IPPREŻENTAT IR-RAPPORT TAT-TIELET SENA ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA: IX-XOGĦOL U L-EDUKAZZJONI L-PRIJORITAJIET EWLENIN TAL-GVERN
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli, dalgħodu ppreżentaw ir-rapport tat-Tielet Sena Ħidma ta’ din il-leġiżlatura li fih elenkaw ix-xogħol li sar minn dan il-Ministeru tul is-sena li għaddiet. Preżenti kien hemm ukoll l-Assistent Parlamentari fl-istess Ministeru, Stephen Spiteri.
Qabel il-konferenza l-Ministru Cristina żaret u tkellmet mal-ħaddiema taċ-Ċentru AĊĊESS tal-Belt u ma’ xi nies li dak il-ħin kienu qed jingħataw servizz minn dan il-post li fih hemm uffiċċju tal-ETC, uffiċċju tas-sigurtà soċjali u impjegati tal-Aġenzija Appoġġ.
Il-qasam tal-Edukazzjoni hu ta’ prijorità ewlenija għall-Gvern. L-investiment f’dan il-qasam jikber minn sena għal sena. Sistema edukattiv b’saħħtu jagħti lill-pajjiż in-nies li għandu bżonn biex ikun jista’ jilqa’ l-isfidi li għandu quddiemu u jaħtaf l-opportunitajiet li jippreżentaw ruħhom quddiemna. B’nies preparati tajjeb il-Gvern ikompli jinvesti fix-xogħol għal soċjetà b’saħħitha.
F’dan il-qasam sar ħafna progress u kienet reġistrat żieda sostanzjali fin-numru ta’ dawk li komplew jistudjaw wara li għalqu s-16-il sena. Fil-fatt f’dawn l-aħħar tliet snin in-numru ta’ dawn żdied minn 19,772 fl-2008 għal 22,186 fl-2010 – żieda ta’ 2414 student (900 minnhom fl-Università) li tfisser żieda ta’ madwar 12% fi tliet snin. Dan ma ġiex waħdu iżda hu frott tal-għażliet li għamel il-Gvern li filwaqt li pajjiżi oħra ferm akbar minnha rajnihom iqaċċtu l-investiment fil-qasam tal-edukazzjoni u jgħollu l-miżati tal-universitajiet tagħhom, aħna bqajna ninvestu, nagħtu edukazzjoni bla ħlas anke fil-livell terzjarju, nagħtu stipendju lil aktar minn 18,000 student u aktar minn 1000 Borża ta’ Studju.
Il-Ministru Cristina qalet li wieħed ma jistax isemmi dak kollu li sar fil-qasam tal-edukazzjoni f’din il-leġislatura iżda ta’ min jinnota li:
• Fl-2010 il-Gvern fetaħ Child Care Centres ġodda f’Bormla, is-Siġġiewi u Pembroke, li żdiedu ma’ dawk tal-Qawra, il-Birgu u Birkirkara, il-Għargħur, Ħal-Luqa u Raħal Ġdid biex issa hemm 506 tifel u tifla jattendu f’child care centres pubbliċi. Din is-sena se jinfetħu żewġ ċentri oħra f’Santa Venera u l-Furjana.
• Ġie estiż it-tnaqqis sa €1,000 mill-income tax imħallas mill-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom f’child care centres privati biex tinkludi tfal ta’ aktar minn 3 snin u tfal li jattendu wkoll f’child care centres matul ix-xhur tas-sajf. Fi tliet snin 2,818 ġenitur iffrankaw bejniethom €1.5 miljun minn din il-miżura.
• 574 tifel u tifla jingħataw servizz ta’ Early Intervention biex l-għajnuna tibda tingħata sa minn qabel it-tfal b’diffikultajiet jibdew l-iskola.
• 265 student u studenta fil-primarja ħadu sehem f’Nurture Groups minħabba li għandhom diffikultajiet emottivi, soċjali u ta’ mġieba; filwaqt li 195 student u studenta tas-sekondarja pparteċipaw f’Learning Support Zones.
o 92 tifel u tifla jingħataw servizz għat-tfal neqsin mis-smiegħ;
o 52 tifel u tifla jieħdu għajnuna għax neqsin mid-dawl;
o medja ta’ 12-il student jingħataw tagħlim fl-Isptar Mater Dei minħabba t-tul ta’ żmien li jdumu l-Isptar;
o 36 student qed jingħataw l-edukazzjoni tagħhom id-dar minħabba mard li jżommhom bogħod mill-iskola;
o 102 student u studenta jingħataw servizz mill-Autism Spectrum Support Team;
o 123 student u studenta għandhom appoġġ mill-Access to Comunications and Technology Unit, minħabba li għandhom bżonn support biex jitgħallmu;
o 59 tifel u tifla b’diffikultà fl-imġieba jiġu megħjuna minn professjonisti biex jaddattaw għall-ambjent fi skejjel.
• 460 interactive whiteboard huma disponibbli għall-istudenti fil-primarja u fis-sekondarja. 177 interactive whiteboard oħra u projectors qed jiġu użati mill-istudenti fil-laboratorji tax-xjenza u Design & Technology Workshops fis-sekondarja.
• Skola ġdida kull sena
2008 – Skola Sekondarja Subien, Verdala fil-Kulleġġ Santa Margerita – 605 student
2009 – Skola Primarja Pembroke fil-Kulleġġ Santa Klara – 324 student u studenta
2010 – Skola Sekondarja Subien fil-Kulleġġ ta’ Għawdex – 700 student
2011 – Skola Sekondarja Subien fil-Mosta fil-Kulleġġ Marija Reġina – 773 student
Fi ftit jiem oħra se titpoġġa l-ewwel ġebla ta’ skola sekondarja ġdida – l-ewwel
waħda għall-bniet, fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq.
• 6,058 student u studenta u ġenituri pparteċipaw fi programmi edukattivi, barra l-ħin tal-iskola, offruti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Dawn attendew fost l-oħrajn għall-programm Malta Writing, Nwar għal kisba ta’ ħiliet bażiċi, Ħilti biex it-tfal isaħħu l-ħiliet soċjali u akkademiċi, Id f’Id programm ta’ għajnuna lill-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied u Klabb Naħla għal tfal vulnerabbli.
• Mill-2009 twaqqaf Klabb 3 – 16, fejn studenti jistgħu jsegwu programmi edukattivi wara l-ħinijiet tal-iskola u matul is-sajf. 1,033 student u studenta pparteċipaw f’dawn il-Klabbs f’Birkirkara u l-Fgura. Din is-sena infetaħ klabb ieħor fil-Mosta.
• Il-Gvern intrabat li jagħti għajnuna għall-edukazzjoni tat-tfal li jattendu fi skejjel tal-Knisja. Bejn l-2008 u l-2010, il-Gvern ta lil dawn l-iskejjel €105 miljun biex joffru edukazzjoni lil 15,780 student u studenta.
• Din is-sena l-iskejjel tal-Knisja se jkunu qed jingħataw €43 miljun oħra.
• Dan barra li se jingħataw 15.2% tal-ispejjeż kapitali li jagħmlu biex iżidu l-klassijiet biex iwettqu r-riforma mill-primarja għas-sekondarja.
• Medja ta’ 4,160 familja li jibagħtu tfal fi skejjel indipendenti jingħataw tnaqqis mill-income tax kull sena. Fl-aħħar tliet snin bejniethom iffrankaw aktar minn €17 il-miljun.
• 2,202 tifel u tifla fi skejjel pubbliċi u 749 fi skejjel tal-Knisja għandhom Learning Support Assistant (LSA) magħhom.
• Il-Gvern beda jħallas ukoll għall-LSA’s li jgħinu lit-tfal fi skejjel indipendenti. 51 tifel u tifla f’dawn l-iskejjel indipendenti għandhom LSA magħhom.
• Saret riforma fl-iskejjel speċjali li issa nbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsi Edukattivi. 200 tifel u tifla ta’ bejn it-3 u t-22 sena qed jattendu dawn iċ-Ċentri li nfetħu f’Settembru 2010, fejn kull persuna jkollha edukazzjoni ta’ kwalità skont il-ħtiġiet individwali tagħha.
• 18,300 student u studenta jieħdu l-istipendju b’investiment ta’ €23 miljun fis-sena. Żieda ta’ €3 miljun fuq l-2008 u żieda ta’ aktar minn 10,000 student fl-aħħar 10 snin.
• 1,094 żagħżugħ u żagħżugħa jgawdu minn scholarships mogħtija mill-Gvern Malti biex ikomplu jistudjaw u jiksbu Masters jew Dottorat fis-suġġett li jixtiequ.
• Għall-ewwel darba fl-2010, il-Gvern beda jagħti l-Malta Arts Scholarships għal min irid jispeċjalizza fl-arti viżiva jew il-performattiva u nieda wkoll skema ta’ scholarships - Xerred il-Malti - għall-Maltin tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni li jridu jagħmlu l-Malti fil-komunitajiet fejn jgħixu.
• In-numru ta’ studenti li qed jistudjaw il-mużika wara li dan is-servizz infirex fil-bliet u rħula mill-iskola Johann Straus żdied minn 555 is-sena li għaddiet għal 946 din is-sena.
• Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li twaqqaf fl-2009 joffri 550 kors f’160 suġġett differenti li għalihom din is-sena qed jattendu 9,932 persuna li hi żjieda ta’ 20% fuq l-istudenti tas-sena ta’ qabel.
Fil-qasam tal-politika soċjali, il-ħolqien tax-xogħol hu prijorità assoluta għall-Gvern. Li permezz tal-investiment barrani li rnexxielu jattira lejn Malta u l-klima industrjali tajba u stabbli, flimkien ma inċentivi li jħajjru l-investiment lokali u l-ħidma bla waqfien tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex tħarreġ u ssib xogħol lill-ħaddiema Maltin qed jinħolqu diversi opportunitajiet ta’ xogħol.
F’dan il-qasam, billi l-prijorità tal-Gvern kienet ix-xogħol, il-fatt li f’dawn l-aħħar tliet snin 18,755 persuna sabu impjieg full time għall-ewwel darba - fosthom 340 persuna b’diżabilità u 3297 minn dawk li bdew jaħdmu għall-ewwel darba sabu xogħol permezz ta’ skemi diretti mħaddma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ juri s-suċċess miksub mill-Gvern.
Il-Ministru Cristina fakkret li:
• Fl-aħħar tliet snin il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienet infurmata b’29,774 vakanza ta’ mpjiegi minn min iħaddem u rnexxielha ssib ħaddiema biex imlew 11,909 post tax-xogħol
• 18,755 daħlu f’impjieg full-time għall-ewwel darba għax temmew l-istudji jew inkella fis-snin ta’ qabel la kienu qed jaħdmu u lanqas jirreġistraw
• Fl-istess perjodu 27,656 persuna jingħataw taħriġ mill-ETC, 13,765 minnhom is-sena li għaddiet.
• Il-Gvern qed jagħti żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti. Fl-aħħar tliet snin il-pensjoni żdiedet b’€14.55 fil-ġimgħa.
• 6,000 anzjan li jieħdu l-pensjoni tas-servizzi reġgħu ngħataw żieda oħra
• L-għajnuna supplimentari għall-anzjani waħedhom żdiedet għal massimu ta’ €4.57 filwaqt li ta’ koppja żdiedet għal massimu ta’ €8.13
• Żdiedet il-fostering allowance minn €40 għal €70 fil-ġimgħa għal kull tifel u tifla.
• Għola s-ceiling biex wieħed jista’ jieħu l-benefiċċji soċjali bħalma huma ċ-Children’s Allowance, Għajnuna Supplimentari, il-Karta r-Roża u l-Benefiċċju tal-Enerġija biex il-familji jibqgħu jgawdu mill-għajnuna massima.
• L-għajnuna supplimentari żdiedet sa €4.57 għal persuna waħedha u €8.13 għal koppja miżżewwġa.
• Fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, il-Gvern qed jagħti energy vouchers lill-familji l-aktar fil-bżonn. Is-sena li għaddiet 26,048 persuna bbenefikaw minn dawn il-vouchers.
• Minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-gass, fl-Lulju 2010, il-Gvern żied il-Benefiċċju tal-Enerġija. Familji fejn tal-anqas hemm persuna waħda li hi anzjana, jew anzjani li jgħixu waħedhom, ingħataw €25 oħra. Familji oħra, li wkoll huma ntitolati għall-benefiċċju tal-enerġija, ingħataw żieda ta’ €15.
• Bejn l-2008 u l-2010, 275 persuna b’diżabiltà ngħataw kwazi €1 miljun f’għajnuna mill-Gvern biex jirranġaw id-dar fejn joqgħodu.
• 661 persuna b’diżabilità ngħataw eżenzjoni biex ma jħallsux il-liċenzja tat-triq tal-vetturi speċjali tagħhom filwaqt li 692 oħra, fl-istess perjodu, xtraw karozza u ġew eżentati milli jħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuqha.
• Fl-aħħar tliet snin kien hemm 6,509 persuna jew familja li bejniethom ħadu €14 miljun fi skemi mnedija mill-Awtorità tad-Djar li jinkludu għajnuna għall-irranġar ta’ djar, għajnuna biex tiżdied l-aċċessibilità, għajnuna finanzjarja fuq kirjiet, għajnuna fuq pagamenti għal self ta’ djar, għajnuna lil min jixtri l-ewwel dar.
• Fi 3 snin l-Awtorità tad-Djar bniet 372 appartament u maisonette. Bħalissa qed jinbnew 34 oħra.
• Fl-2009 saru 11,741 kuntratt għal xiri ta’ propjetà b’valur ta’ €1,229,920.083 filwaqt li s-sena li għaddiet saru 11,774 kuntratt ieħor għal xiri ta’ propjetà b’valur ta’ €1,162,040,576
• 886 familja fdew iċ-ċens temporanju biex saru sidien ta’ darhom. Id-dipartiment tal-Propjetà pubblika rrikonoxxa 2,948 sid ta’ dar li qabel kienu tal-Knisja.
• Is-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal – Aġenzija Appoġġ ħadem fuq 1,350 każ matul l-2010.
• Saru 6 korsijiet ta’ taħriġ għal foster carers, 38 familja f’Malta u 7 f’Għawdex u 6 korsijiet oħra għal min irid jaddotta..
• Is-servizz ta’ Psikoloġija taħt l-Aġenzija Appoġġ għamel medja ta’ 90 konsulta fix-xahar filwaqt li s-servizz ta’ Terapija ta servizz lil 45 familja fix-xahar.
• L-Aġenzija Sapport tagħti servizz residenzjali dirett jew tammistra s-servizz ma’ 60 persuna b’diżabilità.
• Il-persuni b’diżabilità li jattendu d-9 Ċentri ta’ matul il-Jum żdiedu għal 407.
• Supportline 179 irċieva 11,000 telefonata mingħand nies li kellhom bżonn għajnuna jew parir.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en