IL-PALAZZ TAL-INKWIŻITUR FIL-GIRGENTI JINFETAĦ GĦALL-PUBBLIKU
Il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Girgenti ser jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku nhar is-Sibt 9 u l-Ħadd 10 t’April 2011.
Għal darba oħra, il-pubbliku ser ikollu l-opportunità li japprezza l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna u anke jgawdi x-xeni sbieħ tal-kampanja tal-madwar. F’dan l-isfond pożittiv ser ikun qiegħed jitwassal messaġġ dwar l-importanza tas-saħħa mentali sabiex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.
L-attività bit-tema Saħħa Mentali għal Ħajja Aħjar, qed tiġi kkoordinata mis-Sinjura Catherine Gonzi u għandha sservi biex titrawwem kuxjenza u jiżdied l-għarfien dwar dan il-qasam tant essenzjali fiċ-ċirkustanzi attwali ta’ soċjetà li dejjem qed tinbidel u ssir aktar komplessa.
Hi u tindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-attività, is-Sinjura Gonzi sostniet li “s-saħħa mentali hija importanti biex kull persuna tagħraf il-valur tagħha nnifisha, tirrealizza l-potenzjal tagħha, tlaħħaq mal-istress normali tal-ħajja, tagħmel xogħol produttiv li jħalli l-frott, tagħti kontribuzzjoni lill-komunità li tgħix fiha u tilqa’ l-isfidi inevitabbli tal-ħajja.”
“Is-saħħa mentali tgħin lill-persuna tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar u għaldaqstant huwa importanti li nitgħallmu kif għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna,” qalet is-Sinj. Gonzi, “jekk ingawdu saħħa mentali tajba ngħixu aktar kuntenti, intejbu l-opportunitajiet tagħna fil-ħajja u jkollna relazzjonijiet b’saħħithom.”
Tul il-jumejn li fih ser ikun miftuħ il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Girgenti, ser ikun hemm diversi attivitajiet ta’ mistrieħ, fosthom passiġġati fil-kampanja, meditazzjoni, massaġġi rilassanti u tgawdija tal-arti. Dawn huma attivitajiet li jgħinu lill-persuna twarrab xi ftit mit-tensjoni li tippreżentalna l-ħajja ta’ kuljum u għalhekk iwasslu biex nipproteġu s-saħħa mentali tagħna aħjar.
L-għaqdiet volontarji fil-qasam tas-Saħħa Mentali, li aċċettaw b’entużjażmu li jipparteċipaw f’din l-attività ser joffru tagħrif u informazzjoni lill-pubbliku ta’ kif wieħed jista’ jħares is-saħħa mentali aħjar. L-għaqdiet se jkunu qed jippromwovu s-servizzi li joffru u jispjegaw kif jistgħu jgħinu lill-individwu li jsib ruħu f’diffikultà.
Il-pubbliku huwa mitlub li jagħti donazzjoni li ser tmur b’risq l-istess għaqdiet volontarji, li huma l-Fondazzjoni Richmond, l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali, Fondazzjoni St Jeanne Antide, l-Għaqda Ħbieb Sptar Monte Carmeli u Thursday Club (Caritas). L-għajnuna tal-pubbliku għandha tinkoraġġixxi lil dawn l-għaqdiet ikomplu jwettqu l-ħidma tagħhom bla heda biex jippromwovu s-saħħa mentali.
Din l-attività qed tittella’ bl-għajnuna tal-HSBC Malta Foundation.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en