STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU L-AMBJENT U L-KULTURA
Strateġija effetiva u deċiżjonijiet għaqlija għall-qasam turistiku
Tlieta mill-aħħar erba’ snin fit-turiżmu kienu snin rekord. Pajjiżna fl-2010 rnexxilu jattira għall-ewwel darba aktar minn 1.3 miljun turist. Dawn nefqu bejniethom aktar minn €1.1 biljun u qattgħu f’Malta aktar minn 11-il miljun lejl f’pajjiżna. Dawn huma records assoluti li qed jirriżultaw f’aktar dħul finanzjarju għal min jaħdem u investa f’dan is-settur.
L-ewwel xahrejn ta’ din is-sena qed juru titjib fuq ir-riżultati eċċelenti li kiseb pajjiżna fl-2010. L-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fi Frar 2011 n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kien ta’ 65,487 li jfisser żieda ta’ 23.6% fuq Frar 2010. Jekk jitnaqqsu n-numru ta’ passiġġieri li ġew f’pajjiżna minħabba l-kriżi fil-Libja, jirriżulta li fi Frar kien hemm 62,768 turist li ġew Malta fuq vaganza. Din hija żieda sostanzjali ta’ 18.4% fuq Frar 2010.
Minkejja r-riżultati miksuba, il-Gvern, partikularment l-Awtorità tat-Turizmu (MTA) qed tkompli taħdem sabiex tegħleb l-isfidi li qed jiffaċċja t-turiżmu fil-Mediterran, partikolarment minħabba s-sitwazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq.
F’sitwazzjoni bħal din, wieħed jistenna li l-Oppożizzjoni tkun id f’id mal-Gvern biex tħares l-interessi tal-industrija tat-turiżmu. Minflok l-Oppożizzjoni, forsi għax m’għandiex xi tgħid, qed toħroġ stqarrijiet fuq suppożizzjonijiet u fantasiji. Il-Gvern imkien ma qal li ser izid taxxa fuq it-turiżmu. Il-Gvern żied l-investiment fit-turiżmu billi żied il-vot finanzjarju tal-MTA minn €24.6 miljun fl-2008 għal €35 miljun din is-sena, żieda ta’ aktar minn għaxar miljun Ewro. Dan barra il-miljuni li l-Gvern qed jalloka sabiex jiżdiedu r-rotot tal-ajru bejn Malta u l-Ewropa. Dan minbarra ukoll il-miljuni kbar li qed jintefqu fit-tisbiħ u l-irranġar tal-prodott turistiku bi proġetti bħal Bieb il-Belt, Pjazza San Ġorġ, Pjazza Sant’ Anna u r-restawr ta’ sitt kilometri ta’ swar, fost oħrajn. Il-Gvern qiegħed jinvesti ukoll miljuni ta’ Ewro f’taħriġ għal min jaħdem f’dan is-settur. Huwa dan l-investiment li qiegħed iġib ir-riżultati.
L-għaqal jitlob li it-turiżmu ma jsirx ballun politiku. Stqarrijiet bla bażi bħal ma ħarġet l-Oppożizzjoni jservu biss biex jallarmaw operaturi turistiċi għalxejn. Kull pass li jieħu il-Gvern f’dan is-settur isir dejjem b’konsultazzjoni wiesgħa ma’ min investa fis-settur.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en