STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ B’RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA MAĦRUĠA MID-DEPUTAT TAL-OPPOŻIZZJONI MARIE LOUISE COLEIRO
Investimenti qawwija li jtejbu l-kwalità tal-kura f’pajjiżna. L-Oppożizzjoni terġa’ turi xettiċiżmu għall-investiment fis-saħħa
L-Oppożizzjoni għadha marbuta ma’ sistemi u prattiċi antikwati u topponi l-bidliet għall-aħjar li jsiru fil-qasam tas-saħħa. Bl-introduzzjoni tad-Discharge Lounge, pajjiżna qed jimxi ma’ metodi moderni li jintużaw fi sptarijiet madwar id-dinja fosthom fl-Ingilterra, l-Amerka u l-Awstralja. B’din is-sistema pazjenti ma jibqgħux aktar fis-sala meta jiġu liċenzjati u għalhekk is-sodda tagħhom tittieħed minn persuni li jiddaħħlu l-isptar. L-Oppożizzjoni trid li flok persuna tmur fid-Discharge Lounge tinżamm f’sodda l-isptar meta klinikament dan mhux neċessarju.
L-Oppożizzjoni qed turi wkoll xettiċiżmu fuq il-bżonn li jinbena Ċentru Ġdid tal-Onkoloġija minflok l-Isptar Boffa. Bil-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija s-sodod għall-kura tal-kanċer se jiżdiedu minn 27 għal 96. Dan l-investiment qiegħed isir għaliex il-poplu qiegħed jgħix aktar u għalhekk l-inċidenza tal-kanċer se tiżdied.
Mhix l-ewwel darba li l-Oppożizzjoni uriet xettiċiżmu dwar it-titjieb u l-investiment fil-qasam tas-saħħa. Meta kien qiegħed jinbena l-isptar Mater Dei, l-Oppożizzjoni kienet qalet li dak hu “kapriċċ.”
Eluf ta’ pazjenti li jmorru għall-kura fl-isptar jafu li l-investiment fis-saħħa u l-Isptar Mater Dei mhux kapriċċ. Is-sena li għaddiet 53,528 persuna ddaħħlu għal kura filwaqt li 33,586 pazjent għamlu użu mid-Day Care Units. Fl-out-patients saru 496,503 vista f’sena, filwaqt li fid-Dipartiment tar-Radjoloġija saru 185,307 test. Il-pazjenti jafu li l-investiment fis-saħħa mhux kapriċċ, kif taħseb l-Oppożizzjoni.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en