Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT IT-TNEDIJA TA’ RIŻULTATI TA’ SERVEJ DWAR IL-QARI – QAWRA – IT-TLIETA 5 TA’ APRIL 2011

pr0665
Date Icon 05/04/2011

B’wiċċi minn quddiem, inħoss u nistqarr li llum hu jum importanti għal min jixtieq jara l-ktieb jiġi ’l quddiem f’pajjiżna. Illum qed nippreżentaw ir-riżultat ta’ riċerka li għamel il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb dwar il-qari f’Malta. 

Kif smajtu, dan l-istudju hu wieħed komprensiv u dettaljat u joffrilna sfida biex nibdew infejqu l-mard li hemm f’dan is-settur.  Hu servej li qed iqajjem mill-gdid il-kwistjoni ta’ kemm il-poplu Malti jaqra jew ma jaqrax.  Sa issa il-perċezzjoni dejjem kienet waħda pessimista f’dan il-qasam.

Għalija l-profil tal-qarrej li joħroġ minn dan l-istudju xjentifiku hu wieħed inkoraġġanti. Ir-riċerka qed turi numri konsiderevoli ta’ nies li jaqraw u li tinteressahom il-kelma miktuba fil-forom varji tagħha imqar jekk kif ingħad diġà, mhux bilfors qed nitkellmu fuq qari assidwu ta’ kotba

L-utilità ta’ din ir-riċerka xjentifika hi kbira għax għal dawn l-aħħar snin konna qed nistrieħu fuq mistoqsija li kienet issir darba f’sena u dejjem noħorġu diżappuntati dwar il-mudelli ta’ qari tal-poplu Malti. Issa qed nifhmu wkoll, jekk kien hemm lok għal tħassib, x’qed  jieħu post il-ktieb. 

Fl-aħħar edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jien irrimarkajt u kkumentajt dwar is-setgħa li għandhom il-kotba u kif fil-kotba hemm potenzjal dinamiku li kapaċi jġib il-bidla. 

Ir-riżultat ta’ dan is-servej se jgħinna biex infasslu l-futur tal-edukazzjoni tagħna f’dan il-qasam. Ilkoll tafu li bħalissa għaddejjin riformi kbar fil-qasam edukattiv. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun approvata liġi fil-Parlament li se tibdel ukoll l-istruttura tal-libreriji f’Malta. Diġà sar ħafna xogħol u rridu nikkonsolidawh biex nibdew nimxu fuq linji iktar Ewropej mingħajr ma ninsew il-limiti tagħna bħala nazzjon żgħir. 

Il-Gvern f’dawn l-aħħar żewġ baġits żied sew is-somom allokati għal-libreriji li issa għandhom mitt elf Ewro biex jintefqu f’kotba meta fl-Ingilterra bħalissa għaddejja kruċjata biex jiġu salvati numru ta’ libreriji minħabba li qed jinħassu ta’ theddida fuq l-ispiża pubblika. 

Mhux qed ngħid li €100,000 fis-sena għal kotba hu biżżejjed. Iżda zgur, u ta’ dan  inħossni kburija, li dan wieħed mill-akbar investimenti li qatt saru fuq numru ta’ snin fejn jidħlu l-libreriji. Dan hu settur importanti u ma nistgħux ma narawx li l-libreriji jkunu mgħammra bl-aħħar pubblikazzjonijiet u b’kotba dinamiċi. 

Is-servej qed jgħajjat bl-aktar leħen għoli biex aktar ġenituri jieħdu sehem fl-edukazzjoni ta’ wliedhom.  Mhux qed nirreferi għal maratoni ta’ studju bl-amment, imma għal sħubija flimkien fil-qari.  Il-kunċett ta’ bed time reading li naf  li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jaħdem fuqu, għandu jidħol aktar  u dan mhux xi ħaġa li bilfors trid tagħmel il-mara.  L-irġiel ukoll għandhom ħafna x’joffru f’dan is-settur.

Irridu lkoll flimkien inkomplu niġġieldu l-illiteriżmu.  Din mhix problema tal-Ministru biss.  Jew tad-Diretturi tal-Edukazzjoni.  Jew tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Hi problema tan-nazzjon kollu u kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu. 

Jien għandi rispett kbir lejn kulmin jaħdem għat-tixrid tat-tagħlim u tal-qari. L-istrutturi edukattivi tal-Istat qegħdin hemm proprju għalhekk.  Iżda hemm ukoll għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol siewi.  F’din is-sena dedikata lill-volontarjat, ippermettuli nislet l-eżempju taċ-Ċentru Paolo Frere li qed jinvesti ħafna ħin u enerġija fit-tagħlim għall-adulti.

Jidher ċar mis-servej li biex inkomplu nxerrdu l-kultura tal-qari rridu mmorru f’komunitajiet  fejn għal raġuni jew oħra il-qari u l-ktieb m’humiex fuq l-aġenda tan-nies.

Illum se nagħmlu pass konkret ieħor f’din id-direzzjoni. Dan li qed taraw hu kampjun ta’ kotba li se nqassmu fil-kumplessi AĊĊESS li għandna u li minnhom il-ħaddiema soċjali tagħna jagħmlu xogħol mal-komunità u se nħeġġuhom biex fil-ħidma tagħhom jużaw dawn il-kotba biex iressqu l-kotba u l-qari lejn in-nies.

Aktar tard dan ix-xahar se nħabbru ħidma li nibdew ma’ numru ta’ Kunsilli Lokali f’binjiet tal-Gvern li hemm fil-lokalitajiet tagħhom, liema ħidma tinkludi wkoll aspett soċjali biex insaħħu dawn il-komunitajiet, permezz ta’ ħidma edukattiva li matulha wkoll ikollna ċans nippromwovu aktar il-kultura tal-qari. B’dawn id-donazzjonijiet sostanzjali ta’ kotba qed nippromwovu wkoll il-ktieb Malti.  Iżda inutli jkollna kotba sbieħ u ta’ valur jekk ma jkollniex qarrejja.

Aspett ieħor li joħroġ minn din ir-riċerka hu kif it-teknoloġija qed toffri kompetizzjoni lill-qari.  Hu minnu li l-internet illum sar fonti ta’ informazzjoni u joffri opportunitajiet għal min irid jakkwista l-kotba kemm fil-format tradizzjonali kif ukoll dak elettroniku, iżda hemm bżonn li nużaw dawn il-mezzi biex iktar nies jitħabbu mal-ktieb. 

Persważa li dan l-istudju se jkun ta’ motivazzjoni kbira biex ikompli jixpruna lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikompli jifrex u jġedded il-ħidma tiegħu b’risq il-ktieb.

Mhux għax il-Kunsill għandu bżonn min jimbuttah għax naf kemm fih nies dedikati li dejjem jaraw x’se jivvinntaw biex ikomplu jxerrdu l-imħabba lejn il-ktieb u lejn il-qari.

Nieħu gost ninnota li l-Kunsill tal-Ktieb qed jagħmel aktar minn dak li mistenni minnu. Infatti, barra milli jorganizza l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Fiera tal-Ktieb, matul  is-Sajf qed jieħu l-kotba fil-bajjiet biex iħajjar in-nies ikomplu jaqraw anke f’xatt il-baħar, qed jorganizza konkors ta’ Rumanzi għaż-żgħażagħ li minnu qed jitwieldu kitttieba u kotba ġodda, qed iżomm arkivju online ta’ kotba Maltin (Books in Print) u qed imexxi ’l quddiem diversi proġetti oħra. 

Għalhekk irrid nieħu din l-okkażjoni biex filwaqt li nħeġġeġ lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ikompli għaddej b’dan ir-ritmu ta’ xogħol, nawgura li lkoll kemm aħna nevalwaw sew dan is-servej biex fl-aħħar mill-aħħar ikollna politika aħjar, u aqwa minn hekk ikollna wkoll riżultati aħjar.

Fl-aħħarnett nappella biex aktar nies jiffrekwentaw il-libreriji u jgawdu mill-frott tagħhom.  Il-libreriji m’humiex hemm għat-tfal biss imma għal kulħadd.   Idealment tfal u ġenituri jmorru f’dawn il-postijiet u jaqraw kotba flimkien.

pr0665 - rizultati.pdfpr0665 - rizultati.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow