JIŻDIED L-ISPAZJU GĦAT-TAGĦLIM FIL-KAMPUS TAL-UNIVERSITÀ F’GĦAWDEX
Fil-Kampus tal-Università f’Għawdex qed jiżdied aktar spazju għat-tagħlim biex b’hekk ikun jista’ jakkomoda lin-numru dejjem jiżdied ta’ studenti adulti li qed jagħżlu li jsegwu wieħed mill-korsijiet offruti f’dan il-kampus matul is-sena. Dan permezz ta’ żewġ swali ġodda li qed itejbu sostanzjalment il-faċilitajiet ġewwa dan il-kampus li issa ilu joffri s-servizzi tiegħu f’Għawdex għal kważi għoxrin sena.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fissret kif il-ħidma koordinata fil-Kampus tal-Università f’Għawdex mhux biss tippromwovi u tipprovdi konkretament edukazzjoni għal matul il-ħajja, iżda qegħda wkoll toffri opportunitajiet importanti li permezz tagħhom jitjiebu dejjem aktar il-kompetenzi tar-riżors uman fil-gżira ta’ Għawdex. ‘Dan huwa għan li huwa meqjus bħala prijorità ewlenija fil-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex’ qalet il-Ministru Debono, filwaqt li fissret kif l-istess Ministeru jsostni t-tmexxija ta’ dan il-kampus permezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa.
Filwaqt li faħħret l-inizjattivi u l-ħidma li twettqet matul is-snin u li rriżultat f’żieda kostanti ta’ parteċipanti matul is-snin, l-Onor. Giovanna Debono ħabbret li s-swali l-ġodda ser ikunu strumentali wkoll biex jiġi mtella’ kors ta’ sentejn li ser jibda f’Ottubru li ġej. Dan ser iwassal biex għadd ta’ Learning Support Assistants Għawdxin ikunu jistgħu jiksbu Diploma in Facilitating Inclusive Education ġewwa Għawdex stess. Filwaqt li dan ser jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ dawk li applikaw sa issa u wrew ix-xewqa li l-kors jinżamm Għawdex, ser tkun qed tingħata wkoll opportunità biex oħrajn ikunu jistgħu japplikaw għal dan il-kors.
Tkellem ukoll il-Professur Lino Briguglio li huwa d-Direttur tal-Kampus tal-Università f’Ghawdex u li kien strumentali fil-ħolqien u t-tmexxija tal-Kampus sa minn meta ġie mwaqqaf fl-1992. Huwa spjega kif is-swali l-ġodda ser jaqdu l-ħtiġijiet loġistiċi bħala swali għat-tagħlim kif ukoll waqt l-eżamijiet u attivitajiet oħra. Huwa kompla jgħid li li kieku l-kampus f’Għawdex ma kienx jeżisti, kieku Għawdex kien ikollu madwar 600 gradwat anqas milli għandu. Huwa fakkar li l-biċċa l-kbira tal-istudenti huma mpjegati full-time, u għalhekk ma jistgħux jattendu korsijiet part-time f’Malta. Dan għaliex il-ħin ma jippermettix li wieħed jaqsam minn Għawdex għal Malta wara x-xogħol biex jattendi kors universitarju f’Malta. Huwa rringrazzja lir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, li ukoll kien preżenti, għall-għajnuna li jagħti lit-tmexxija tal-kampus u l-interess li jieħu fil-korsijiet li jsiru Għawdex. Irringrazzja wkoll lill-Ministru Giovanna Debono għall-appoġġ li tagħti lill-kampus, u rrimarka li huwa ta’ unur għalih u għat-tmexxija, li l-Ministru tapprezza ħafna l-kontribuzzjoni li jagħmel il-kampus għal Għawdex.
Matul is-sena akkademika kurrenti madwar 100 parteċipant qed jattendu korsijiet li fost l-oħrajn jinkludu dawk li jwasslu għal Diploma jew Baċellerat fil-Kummerċ, kif ukoll Baċċellerat fil-Kriminoloġija, MBA, u Masters fit-Traduzzjoni u Hospitaller Studies.
Is-sena li għaddiet iggradwaw madwar 40 student li temmew b’suċċess korsijiet imtella’ fil-Kampus tal-Università f’Għawdex. Dan wassal biex in-numru ta’ gradwati li attendew korsijiet f’Għawdex tela’ għal kważi 600 bi tlieta minnhom ikomplu bl-istudji tagħhom u jiksbu Dottorat minn universitajiet barranin.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en