IMNEDIJA KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR RIFORMA FIL-PENSJONIJIET
Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, nidiet uffiċjalment Konsultazzjoni Pubblika dwar ir-riforma fil-Pensjonijiet fuq rapport imħejji minn Grupp ta’ Ħidma imwaqqaf apposta biex jagħmel proposti dwar din ir-riforma.
Ir-riforma fil-pensjonijiet li twettqet fl-2006 tobbliga lil kull Gvern li jagħmel reviżjoni strateġika tas-sistema tal-pensjonijiet kull ħames snin, bl-ewwel waħda tkun skedata għall-aħħar tal-2010.
Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, dan l-obbligu ma kienx sfurzat fuq il-Gvern Malti mill-Kummissjoni Ewropea iżda imponih fuqu nnifsu l-Gvern Malti biex jassigura li s-sistema tal-pensjonijiet, li tant hi kruċjali għaċ-ċittadini, tiġi evalwata kontinwament biex f’każ ta’ bżonn ta’ xi riformi, dawn ikunu jistgħu jiġu introdotti pass pass, bl-inqas tfixkil soċjali possibli.
L-importanza ta’ reviżjoni kontinwa ta’ dan il-qasam joriġina wkoll mill-fatt li t-tbassir rigward ix-xejriet fil-pensjonijiet jirrikjedi studji fuq perjodu ta’ mill-anqas 50 sena biex jinkludi l-medda ta’ żmien li l-individwu jkun fid-dinja tax-xogħol. Minkejja dan, il-Gvern jirrikonoxxi li 50 sena hu perjodu twil wisq biex jaċċerta li t-tbassir li jsiru llum se jseħħ kif ippjanat.
Fil-fatt, il-qafas prinċipali li fuqu hi mibnija s-sistema tal-pensjonijiet ‘Pay As You Go’ li għandna llum inbidlet drastikament f’dawn l-aħħar 30 sena għax il-bniedem qed jgħix aktar, ir-rata tal-fertilità naqset u l-popolazzjoni dejjem tikber fl-età.
Il-Ministru Cristina enfasizzat li bis-sistema kif kienet qabel l-1 ta’ Jannar li għadda, kien proġettat li sal-2050 il-valur tal-pensjoni attwali kien jinżel għal 18% ta’ dak li hu llum. Bit-tibdil li daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena hu proġettat li fl-2060 il-valur tal-pensjoni ikun ta’ 45% ta’ dik li hi llum. Dan ifisser li n-niżla fil-valur tal-pensjoni twaqqfet bil-miżuri meħuda u s-sistema tal-pensjonijiet ma kkollassatx.
Iżda dan mhux biżżejjed għax il-pensjonant xorta ma jkunx jista’ jgħix komdu b’pensjoni li l-valur tagħha jkun anqas min-nofs ta’ dak li hu llum.
Il-Grupp ta’ Ħidma ħejja rapport bi proposti biex is-sitwazzjoni titjieb u ż-żgħażagħ ħaddiema ta’ llum, meta jiġu biex jirtiraw ikollhom pensjoni b’valur li tkun tista’ tgħinhom jgħixu b’mod diċenti.
Fil-bidu ta’ Diċembru tal-2010, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet, li kien appuntat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja biex iħejji r-reviżjoni tal-pensjonijiet hekk kif provdut fl-Att tas-Sigurtà Soċjali, ikkonkluda x-xogħol tiegħu. Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-Ministru poġġiet ir-rapport ta’ dan il-Grupp fuq il-Mejda tal-Parlament kif stipulat bil-liġi.
Il-Ministru qalet li l-Gvern għandu interess qawwi li jisma’ l-opinjonijiet taċ-ċittadini kollha – inkluż iż-żgħażagħ – kif ukoll dawk ta’ l-imsieħba soċjali u entitajiet oħra qabel ma jieħu pożizzjoni u jiddeċiedi fuq il-45 rakkomandazzjoni preżentati mill-Grupp il-Ġdid ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li se jmmexxi dan il-Grupp se jkun jikkonsisti f’numru ta’ laqgħat u diskussjonijiet pubbliċi u attivitajiet oħra relatati, kif ukoll kampanja wiesgħa fuq il-media lokali. Il-Gvern iħeġġeġ liċ-ċittadini kollha, inkluż iż-żgħażagħ, kif ukoll għaqdiet mhux Governattivi u entitajiet oħra, biex iressqu l-veduti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar dan ir-rapport jew / u s-suġġett tal-pensjonijiet in ġenerali.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fetaħ illum u jibqa’ sejjer sal-31 ta’ Mejju li ġej. Id-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ dan is-suġġett tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku www.pensionsreform.gov.mt. Sottomissjonijiet formali u mistoqsijiet dwar ir-rapport prinċipali jew dawk supplimentari jistgħu jintbagħtu lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet fuq l-indirizz elettroniku pensionsreform@gov.mt. Kull min hu interessat hu mħeġġeġ li juża dan l-indirizz biex jitlob għal-laqgħat jew preżentazzjonijiet mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pensjonijiet, kif ukoll biex jagħtu l-veduti tagħhom fuq dan is-suġġett.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en