Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-LAQGĦA SPEĊJALI TAL-KUNSILL ĠENERALI TAL-UĦM, FL-OKKAŻJONI TAT-43 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAGĦHA, FIL-KWARTIERI ĠENERALI TAL-UNION, FLORIANA – IT-TLIETA,  29 TA’ SETTEMBRU 2009

pr1632
Date Icon 29/09/2009

Sur President,

Sur Segretarju Ġenerali,

Membri,

Huwa l-pjaċir tiegħi li nkunmagħkom biex flimkien niċċelebraw dan it-43 anniversarju mit-twaqqif tal-Union Ħaddiema Magħqudin.
Kien biss wara sentejn minn metaMalta ħadet l-Indipendenza li twaqqfet il-UĦM.  Tul dawn is-snin, il-Union akkumpanjat lil Malta fit-trasformazzjoni ekonomika u soċjali tagħha.
F’dawn is-snin kollha l-UĦMdejjem żammet l-interess tal-ħaddiema u l-familji tagħhom fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha għax temmen li l-bniedem għandu jkun il-qofol ta’ kull żvilupp ekonomiku u soċjali.  Dan it-twemmin jgħodd aktar minn qatt qabel hekk kif l-ekonomija tagħna bħal bqija tad-dinja għaddiet u għadha għaddejja minn sfidi kbar.
F’dan il-mument tant delikatfl-ekonomija globali, jeħtieġ li mhux biss inkomplu nilqgħu għal din il-kriżi imma rridu wkoll inkomplu nippreparaw ruħna għal meta l-ekonomija dinjija terġa’ tirpilja.  Il-Gvern immexxi minni jemmen li kemm biex nilqgħu għall-kriżi u wisq aktar biex inħarsu ‘l quddiem hemm bżonn li naħdmu flimkien u li niġbdu ħabel wieħed - dak il-ħabel li jwassal għal aktar xogħol għall-ħaddiema tagħna.
Dan nistgħu nagħmluh jekk naħtful-opportunitajiet biex inkomplu nirristrutturaw l-ekonomija tagħna, inħarrġu u nippreparaw liċ-ċittadini tagħna għal sfidi ġodda, waqt li nkomplu nipproteġu lil aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Sinjuri,

Bil-politika tal-Gvern immexximinni, flimkien mal-konsultazzjoni u l-ħidma mal-imsieħba soċjali, u hawn nixtieq nirringrazzja l-UĦM b’mod pubbliku għall kontribut tagħha, irnexxilna ntaffu l-effett tal-kriżi internazzjonali.  Dan ma kienx b’kumbinazzjoni imma b’ħidma intensiva u konġunta li kienet ibbażata fuq il-kunsens li l-ewwel priorità għandha tkun il-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol.  Malta ġiet indikata mill-Kummissjoni Ewropea bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li nvesta f’dan il-mument ta’ kriżi.  L-istimulu ekonomika li nieda l-Gvern jammonta għal-1.6% tal-Prodott Gross Domestiku.  Dawn il-miżuri diġà bdew iħallu r-riżultati mixtieqa.  Permezz tal-ħidma tal-Gvern intervjenejna biex insalvaw l-impjiegi u b’hekk salvajna 2,500 post tax-xogħol u din l-isfida rnexxielna ndawruha f’opportunità hekk kif il-kumpaniji li sabu ruħhom f’diffikultajiet tajnihom l-għodda biex ikomplu jinvestu u ‘l quddiem joħolqu aktar impjiegi.
Kellna l-għażla bejn it-tnaqqisfid-deficit u l-ħarsien tal-impjiegi.  Għażilna l-ħarsien tal-impjiegi, għaliex għal kull impjieg li ġie salvat hemm persuna; hemm familja.  Ħarsitna kienet mixħuta fuq it-tfajla li qed tħares ‘il quddiem biex tibni familja; fuq il-missier li jiddependi biss minn impjieg full time ġo fabbrika; fuq l-omm li tistinka biex tara lill-familja u lil uliedha javvanzaw f’ħajjithom.
Għalkemm dan għandu jitqiesbħala pożittiv ma rridux ninsew li hemm min spiċċa bla xogħol u għalhekk irridu nkomplu naħdmu flimkien biex inkomplu noħolqu aktar impjiegi.

Issa wasal il-pass li jmiss.  Irridu nħarsu ‘l quddiem lil hinn mill-kriżi.  Flimkien u bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali rridu nsaħħu u ntejbu l-kompetittività ta’ pajjiżna li hija kruċjali biex inkomplu nattiraw aktar investiment lejn pajjiżna.  Kif jikkonfermaw numru ta’ studji internazzjonali, Malta baqgħat kompetittiva u l-interess f’pajjiżna għadu hemm minn investituri barranin.  Dan għandu jissarraf f’aktar investiment f’pajjiżna u aktar ħolqien ta’ xogħol fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-politika ekonomika tal-Gvernspeċjalment f’dan il-baġit trid tkun immirata u integrata biex tilħaq il-mira li fix-xhur li ġejjin ntejbu l-kompetittività u l-produttività ta’ pajjiżna.  Din m’għandhiex tkun priorità tal-Gvern biss imma tal-pajjiż kollu kemm hu.  Għalhekk id-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li ġie ppubblikat jieħu sinifikat aktar importanti.  Permezz ta’ dan id-dokument jidher li hemm qbil fuq il-prioritajiet li għandu quddiemu l-pajjiż u dan jawgura tajjeb għall-futur kemm għad-djalogu soċjali kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.
Naf sew kemm il-UĦM ħadetinizjattivi biex f’pajjiżna jissaħħaħ id-djalogu soċjali.  Kien hemm impenn ta’ din il-Union li jsir Patt Soċjali.  Is-sehem li tajtu f’dan kollu qiegħed jagħti l-frott fi djalogu soċjali akbar.

Sinjuri,

Irridu nkomplu nsaħħu s-suq tax-xogħol fejn mhux biss nipproteġu l-impjiegi imma billi ntejbu l-ambjent għan-negozju u l-investiment, inkomplu noħolqu aktar postijiet għall-ħaddiema tagħna.  Hemm bżonn li nħeġġu aktar nies biex jaħdmu speċjalment in-nisa.  Għalkemm sar ħafna progress għad fadal ħafna xi jsir.  Hawn ukoll nixtieq nirringrazzja lill-UĦM tas-sehem tagħha biex jidħlu aktar miżuri favur il-familja fuq il-post tax-xogħol u nappellalkom biex tkomplu bix-xogħol tagħkom ħalli aktar employers joffru dawn il-miżuri.

Fl-aħħar snin il-Gvern ħa diversi inizjattivi biex aktar nies jidħlu jew jibqgħu f’impjieg:

  • Tnaqqset l-income tax fi tliet baġits wara xulxin biex il-ħaddiema, is-self employed u l-pensjonanti jibqgħalhom aktar flus fil-but;
  • Il-Gvern ta tnaqqis fl-income tax lill-ommijiet li reġgħu daħlu jaħdmu wara ħames snin.  Fl-ewwel tliet snin li daħlet din il-miżura 1,400 omm gawdew minnha.  Din is-sena wessajna din il-miżura biex tingħata anki lill-ommijiet li baqgħu jaħdmu wara li kellhom it-tfal mill-2007 ‘l quddiem.  Ġiet estiża wkoll għall-ommijiet li daħlu lura wara ħames snin u għandhom it-tfal taħt is-16 il-sena.  It-tnaqqis fl-income tax se jingħata għal kull wild.  Bit-twessiegħ ta’ din il-miżura 3,600 omm gawdew mill-inizjattiva li ttieħdet din is-sena.
  • Qed jingħataw tax credits lill-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom f’child care centres;
  • Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu nfetħu 3 child care centres oħra;
  • Qed isiru aktar korsijiet ta’ taħriġ mill-ETC biex aktar nies jidħlu f’impjieg jew isaħħu l-ħiliet tagħhom;
  • Issaħħaħ l-MCAST b’127 kors differenti full-time u b’għażla oħra ta’ korsijiet part-time għall-ħaddiema;
  • Min jilħaq l-età tal-irtirar jista’ jibqa’ jaħdem u jieħu paga u pensjoni sħiħa.  Illum 8,482 persuna li għandhom aktar mill-età tal-irtirar qed jaħdmu f’impjieg full-time jew part-time.

Dan kollu qed iwassal biex jiżdiedu l-ħaddiema u l-investituri jsibu aktar ħaddiema li lesti jidħlu f’impjieg.

Ma’ din il-ħidma rridu naħdmu flimkien biex inżidu l-effiċjenza ekonomika u produttiva fil-pajjiż.  L-istabbiliment ta’ swieq effiċjenti u li jaħdmu sew jistgħu jtejbu l-inċentivi għall-investiment u l-innovazzjoni, jappoġġja l-ħolqien ta’ aktar impjiegi kif ukoll inaqqas il-persistenza tal-inflazzjoni.

F’mument bħal dan ma rridux nitilfu ħarsitna minn fuq il-potenzjal tat-tkabbir ta’ pajjiżna.  Għalhekk irridu nkomplu ninvestu bis-sħiħ fil-futur ta’ pajjiżna billi jissokta l-investiment fil-kapital uman.  Għal prosperità, jeħtieġ li nkomplu niżguraw sistema ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja f’kull livell.  Edukazzjoni li tkun investiment u mhux biss servizz.  L-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, flimkien ma’ ħiliet flessibbli, huma essenzjali għal produttività ogħla u ekonomija ta’ sucċess imsejsa fuq l-għarfien. 

Dan l-investiment fil-pajjiż permezz tar-riformi strutturali għandu jsir b’ħarsien lejn is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.  Il-Gvern immexxi minni huwa kommess lejn politika fiskali soda b’baġit ibbilanċjat.  Ir-reżiljenza li wriet l-ekonomija Maltija f’din il-maltempata hija wkoll riżultat tal-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali li ġie mwettaq matul dawn l-aħħar snin. 

Sinjuri,

It-triq quddiemna hija twila uimpenjattiva.  L-isfidi qatt ma huma se jonqsu hekk kif id-dinja tkompli ssir aktar globalizzata.  Hija realtà li rridu ngħixu biha u naħdmu fiha.
Li nistgħu u li rridu nagħmlu huli naħdmu flimkien biex inkomplu nsaħħu l-ekonomija Maltija biex tkun f’pożizzjoni li tilqa’ għall-isfidi.  L-esperjenza ta’ din il-kriżi urietna li jekk verament naħdmu flimkien u npoġġu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna x-xogħol u l-familji, nirnexxu.
Għalhekk konvint li l-UĦMbil-passat tagħha u jekk tkompli tħaddan il-prinċipju u t-twemmin li d-djalogu soċjali jista’ jwassal għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull Malti nemmen li tkompli tkun parteċipi u katalist fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Filwaqt li nirringrazzjakom unifirħilkom għal dan l-anniversarju nawguralkom aktar snin ta’ suċċess
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR261988

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

More Press Releases Right arrow