STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “Id-deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa mentali jridu jitfasslu fuq l-esperjenzi tan-nies” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Waqt il-konferenza annwali tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg tenna kif il-Gvern qed ikompli jwettaq l-istrateġija għas-saħħa mentali u jibqa’ impenjat li jwassal kura tal-ogħla livell eqreb tan-nies.
Semma l-ħidma fost oħrajn fuq iċ-ċentri reġjonali fosthom iċ-ċentru ppjanat f’Bormla kif ukoll il-unit ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali li qed tinbena fl-Isptar Mater Dei u l-viżjoni fit-tul għal għall-Isptar Monte Karmeli. Saħaq li l-investiment f’dawn il-proġetti u fil-professjonisti għandu jgħin lill-persuna ssib l-għajnuna kmieni u tibqa’ ssib l-appoġġ li teħtieġ matul il-kura u r-riabilitazzjoni tagħha.
“Din il-konferenza tatna l-opportunità nitkellmu dwar is-servizzi tas-saħħa mentali u nisimgħu mingħand min jużahom. Meta nitkellmu dwar ċentru reġjonali, dwar il-unit il-ġdida f’Mater Dei jew dwar il-futur ta’ Monte Karmeli, irridu nżommu quddiem għajnejna lill-persuna li għada se jkollha bżonn il-kura. Is-sistema kollha trid iddur magħha. Irrid nisma’ mingħand dawk li għaddew minn dawn l-esperjenzi u mingħand dawk li kienu maġenbhom. Huwa fuq dawn l-esperjenzi li rridu nfasslu d-deċiżjonijiet tagħna,” qal id-Deputat Prim Ministru. Il-konferenza ffukat fuq il-bidla minn sistema storikament iċċentrata fuq l-istituzzjonijiet għal waħda li twassal aktar kura fil-komunità. Dr Borg semma ċ-ċentru ppjanat f’Bormla bħala eżempju ta’ xi tfisser din il-bidla fil-ħajja ta’ pazjent.
Dwar il-unit ippjanata f’Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru saħaq li s-saħħa mentali hija parti integrali mis-saħħa tal-persuna u li dan għandu jkun rifless fil-kura offruta fl-isptar ġenerali ewlieni tal-pajjiż. Spjega li l-kura akuta f’Mater Dei, l-irwol u l-futur ta’ Monte Karmeli u s-servizzi fil-komunità huma marbuta ma’ xulxin. Għal persuna li tidħol l-isptar fi żmien ta’ kriżi, parti importanti mill-irkupru tagħha hija li, meta tasal biex tmur lura d-dar, kemm hi kif ukoll il-familja tagħha jkunu jafu x’appoġġ se jsibu u għand min jistgħu jirrikorru.
Dr Borg irringrazzja lill-ħaddiema tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali għall-kura li jagħtu kuljum, kif ukoll lill-għaqdiet, lill-familji u lil dawk li qasmu l-esperjenzi personali tagħhom. Tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-prevenzjoni u l-intervent bikri u li jaħdem kontra l-istigma, biex kull min ikollu bżonn l-għajnuna jħossu komdu jitlobha.
Temm billi saħaq li, bħala soċjetà, ilkoll għandna sehem x’nagħtu. Ħeġġeġ biex nisimgħu aktar lil xulxin, nitkellmu meta nħossu l-bżonn u nibqgħu nkunu ta’ spalla għal min ikun għaddej minn żmien diffiċli, kemm jekk ikun xi ħadd mill-familja, ħabib, kollega jew persuna oħra f’ħajjitna.
Other Press Releases:
PR261987
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...
PR261986en