Left arrow Go Back

WEGHDA OHRA MWETTQA MILL-GVERN

pr1071
Date Icon 12/07/2007

Il-proġett tal-bini tal-Villaġġ tas-Snajja` ġdid f’Ta’ Qali hu mistenni li jidħol f’fażi ġdida hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se joħorġu t-tenders għax-xogħlijiet neċessarji mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Hu kalkulat li l-proġett kollu jieħu madwar erba’ snin.

Dan ħabbru l-Perit Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, meta dalgħodu indirizza lill-mezzi tax-xandir u ta dettalji dwar l-aħħar żviluppi u t-tnedija tal-proġett tal-bini tal-Villaġġ tas-Snajja` f’Ta’ Qali, flimkien ma’ Edwin Vassallo, is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed. 

“Dan il-proġett,” qal il-Ministru Mugliett, “hu ħolqa oħra minn kullana ta’ wegħdi mwettqa u li qed jitwettqu mill-Gvern.”

 Bħalissa fil-villaġġ hemm madwar 40 post miftuħ, u b’dan l-iżvilupp se jkun hemm mat-92 negozju, li għandhom il-possibilta’ li jiġġeneraw aktar minn 400 impieg. Fl-iżvilupp il-ġdid se jkun hemm użu aħjar ta’ l-art, fejn fuq kważi l-istess footprint fejn bħalissa hemm 40 negozju se jinħoloq villaġġ tradizzjonali tas-snajja’ Maltin. Se jkun hemm 85 binjiet li se jinbnew ġodda bi 78 sidien ta’ negozju differenti fil-Villaġġ tas-Snajja’ l-ġdid.

Il-Ministru Mugliett spjega li wara li fil-bidu ta’ Awissu jinħargu t-tenders għall-proġett u jagħlaq il-proċess ta’ aġġudikazzjoni hu ppjanat li t-tenders jingħataw fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. 

Il-proġett qed isir mis-Segretarjat għan-Negozji ż-Żgħar u s-Self Employed fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittività u Komunikazzjoni u qed ikun kordinat u mwettaq mill-Project Development Coordination Unit, (PDCU) fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. 

Il-Ministru Mugliett u s-Segretarju Parlamentari Vassallo spjegaw li l-Gvern kien daħal għall-proċess vast ta’ konsultazzjoni wiesa` ma’ l-inkwilini kollha, b’negozjati separati ma` kull inkwilin fuq bażi individwali dwar kull aspett u dettall tal-binjiet, saħansitra dwar il-bibien u l-aperturi. Il-pjanti li llum huma wkoll approvati mill-MEPA, jinkorporaw il-pjanti separati maqbula mal-inkwilini. 

Is-Segretarju Parlamentari Vassallo spjega t-tqassim tal-binja fuq l-aspetti kollha ta’ villaġġ: triq li ddawwar il-villaġġ tas-snajja`, parkeġġi fuq in-naħa ta’ barra, toroq interni li jintużaw biex jitwasslu servizzi jew għal viżitaturi u pjazez interni f’kull blokk. Fid-diskussjonijiet mal-inkwilini kien stabbilit ukoll il-livell ta’ finishing tal-unit rispettiv tagħhom meta dawn ikunu mgħoddija lilhom. 

Il-Gvern ta garanzija li l-prezzijiet tal-binjiet ta’ l-istabbilimenti jibqgħu skond kif kien meta ġie ffirmat il-kuntratt, irrispettivament jekk dawn il-prezzijiet jinbidlux jew le. 

Il-Ministru Mugliett spjega li t-tender ewlieni tal-proġett hu stmat li jiswa madwar Lm8 miljuni. Dan it-tender jinkludi fih il-bini kollu tal-proġett, il-pjan ta’ migrazzjoni, iċ-ċentru ta’ nkubazzjoni għan-negozju, tliet substations tad-dawl u ġwiebi ta’ l-ilma kif ukoll uffiċini fost l-oħrajn.  

Barra minn dan it-tender se joħorġu l-offerti wkoll għal żewg sub-tenders addizzjonali oħra, b’valur stmat ta’ madwar Lm 4 miljuni, li jinkludu x-xogħlijiet ta’ toroq tal-madwar, areas pubbliċi kif ukoll is-servizzi infrastrutturali fosthom dawk tal-Enemalta, tal-Water Services Corporation u servizzi tad-drenaġġ. 

Il-proġett b’aċċess sħiħ pedonali u aċċessibbli għal kulħadd jinkludi wkoll 3 parkeġġi b’386 spazju għall-vetturi kif ukoll ċentru ta’ informazzjoni. Il-proġett se jkun komplut bl-installazzjoni tad-dwal dekorattivi, landscaping, gradi li jagħtu għall-Park Nazzjonali u pavimentar. 

Fi kliem il-Ministru Mugliett dan l-investiment kbir mistenni li jagħti ħajja ġdida lil din iż-żona industrijali ta’ l-artiġjanat. Hu spjega li l-proġett se jkun finanzjat minn tliet sorsi differenti. Apparti mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-inkwilini, il-Gvern se jieħu b’self minn bank kummerċjali ewlieni b’rati preferenzjali permezz tal-Malta Industrial Parks. Dan s-self b’rati vantaġġużi se jitħallas lura f’temp ta’ għaxar snin u parti minnu se titħallas mill-kirjiet ta’ l-inkwilini. Barra minn dan il-Gvern se japplika għall-fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-prijorità ta’ l-appoġġ lill-intrapriżi fil-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew sabiex jiffinanzja l-bini tat-toroq u l-ispazji pubbliċi f’dan il-villaġġ. 

Il-Ministru Mugliett qal li l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq beda jkun involut fil-proġett fis-sena 2005 meta nbeda x-xogħol relatat ma’ surveying ta’ l-art, studji neċessarji, indikaturi ambjentali u ekonomiċi u fuq kollox reviżjoni tal-proposti oriġinali. Fil-fatt il-pjanti kellhom jiġu rfinuti biex jindirizzaw aspetti bħall-parkeġġ, ġwiebi għall-ħażna ta’ l-ilma tax-xita, elementi bażilari ta’ sigurtà u anke landscaping.  

Intant is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li l-preparazzjoni ta’ dan il-proġett kienet waħda li tat attenzjoni partikolari lill-individwu u mhux biss lill-infrastruttura.  

Fil-proċess kollu ġie garantit post lil kull inkwilin li diġa` kien jopera minn hemm. Il-proġett ġie aċċettat mill-inkwilini preżenti kollha u fil-fatt ġew konklużi mad-92 konvenju mad-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Konsiderazzjoni ewlenija f’dan il-proġett kien li ebda negozju m’hu se jkollu jibqa’ wieqaf għal perjodu ta’ żmien sostanzjali. L-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett għalhekk se tkun skond pjan definit li hu maqsum b’tali mod li ma joħloqx waqfien fin-negozju. B’dan l-iskop inħadmet migration plan dettaljata biex ix-xogħol joħloq l-inqas inkonvenjent possibbli għall-inkwilini. 

Il-bażi ta’ dan il-villaġġ, għalkemm se jkun ċentru kummerċjali, huwa li jkun ċentru ta’ prodotti artiġjanali li ser jinħadmu fl-istess villaġġ. Dan il-proġett se jkun qiegħed kważi jirdoppja l-attività artiġjanali u kummerċjali tal-villaġġ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Malta fost l-ewwel pajjiżi li trasponiet id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi

PR261967

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow