STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-IZVILLUP URBAN U TOROQ
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma jistax jifhem kif il-Federazzjoni tat-Trasport qed tilmenta llum kontra żewġ permessi ġodda għall-ġarr ta’ kadavri li nħargu sena ilu.
Il-Federazzjoni tat-Trasport taf sew li dawn iż-żewġ permessi ġodda, li nħarġu madwar sena ilu, kienu ngħataw fuq sentenza maħruġa mill-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust aktar qabel f’Lulju 2004.
Il-Federazzjoni taf sew ukoll li wara dawn iż-żewġ każijiet u li kienu saru diskussjonijiet bl-iskop li jintlaħaq qbil dwar il-bdil tal-vetturi għall-ġarr tal-mejtin. Tant hu hekk li b’riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Hearse Association, li tifforma parti mill-istess Federazzjoni, diġa` biddlet il-flotta ta’ vetturi tagħha wara li ngħataw eżenzjoni mill-Gvern mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. Din l-eżenzjoni ngħatat mill-Gvern fid-dawl ta’ ftehim aktar wiesa` li ntlaħaq mal-Hearse Association, li fost l-oħrajn, kien jinkludi l-addozzjoni tal-Kodiċi ta’ l-Imġiba, bl-iskop aħħari li jitjieb is-servizz.
Bħal ma l-Gvern wettaq dak li kkommetta ruħu għalih, kif diġa` ġie spjegat, hu mistenni li l-Hearse Association taderixxi ma’ l-obbligi tagħha skond dak li qablu fuqu madwar il-mejda tan-negozjati.
Dwar is-servizz ġdid ta’ l-open top buses u l-electric mini-cabs il-Ministeru jemmen li fil-pajjiż għandu jingħata spazju, kif fil-fatt hawn, għal prodotti u servizzi ġodda ta’ trasport innovattiv bl-iskop aħħari li tiżdied il-mobiltà u jsaħħu u jgħinu prodotti partikulari f’setturi oħra bħal ma huwa t-turiżmu.
Iż-żewġ servizzi ta’ l-open buses u l-electric mini-cabs imorru ‘l hinn mis-servizz ta’ trasport pubbliku fuq skeda, kif qed tinsinwa l-Federazzjoni.
Huwa ċar li dawn is-servizzi ġodda ta’ trasport qed idejqu lill-Federazzjoni tat-Trasport. Il-Gvern jemmen li l-kompetizzjoni, minkejja jkun hawn min ibeżża` biha, mhux biss twassal għal prezzijiet aktar kompetittivi, iżda fuq kollox titjib fis-servizz. Il-poplu diġa` esperjenza titjib bħal dan fil-kwalità tas-servizz b’operatur ieħor joffri shuttle service fis-servizz tal-Park and Ride.
Il-Ministeru jemmen li fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun il-pubbliku li jiddeċiedi jekk dawn iż-żewġ servizzi ġodda humiex ta’ ġid jew le.
Other Press Releases:
PR261967
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta fost...
PR261966en