Jidħlu fis-seħħ Ftehim ma’ l-Arabja Sawdita u ieħor ma’ l-Emirati Għarab Magħquda
Mil-lum daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Ġenerali bejn l-Arabja Sawdita u Malta. Dan il-ftehim kien iffirmat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo waqt zjara li għamel fl-Arabja Sawdita f’April tas-sena li għaddiet.
Il-Ftehim jipprovdi biex iż-żewġ pajjiżi jaħdmu biex jinkoraġixxu t-tkabbir fil-kummerċ bejniethom kif ukoll il-ħolqien ta’ joint ventures bejn investituri tagħhom filwaqt li jiggarantixxu t-trasferiment ta’ fondi għal skopijiet ta’ investiment.
Iż-żewġ pajjiżi qablu wkoll li jikkoperaw u jibdlu informazzjoni f’oqsma ta’ interess u li esperti tagħhom iżuru l-pajjiżi rispettivi għal laqgħat bejn riċerkaturi, esperti u tekniċi fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, xjenza, teknoloġija, kultura, żgħażagħ, sport u arti.
Twaqqfet ukoll Kummissjoni Konġunta biex issegwi l-implimentazzjoni ta’ dan l-istess ftehim.
Sadattant, l-awtoritajiet ta’ l-Emirati Għarab Magħquda infurmaw lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin li l-Ftehim dwar Ħelsien mit-Taxxa Doppja li l-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, ikkonkluda ma’ l-Emirati, kien ratifikat mill-istrutturi amministrattivi tal-pajjiż u allura issa daħal fis-seħħ.
Dan il-ftehim bħal ħafna oħra li pajjiżna għandu ma’ diversi pajjiżi, għandu jservi biex jiffaċilita’ l-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi u jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966