IL-MINISTRU FRENDO JINSISTI GĦAL AKTAR SOLIDARJETÀ MILL-UNJONI EWROPEA FIL-KWESTJONI TA’ L-IMMIGRAZZJONI ILLEGALI
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo, f’laqgħa li kellu dalgħodu mal-Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea Franco Frattini insista li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea turi aktar solidarjetà ma’ Malta fil-kwestjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.
Il-Kummissarju Frattini, li hu responsabbli wkoll għall-Ġustizzja u Intern, tkellem dwar iż-żjara li aktar kmieni filgħodu hu għamel fuq waħda mill-patrol boats li qed tieħu sehem fil-missjoni Nautilus II tal-Frontex li qed torganizza partols fl-ibħra bejn l-Italja u l-Libja fi sforz biex twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari. Hu ddeskriva din l-inizjattiva bħala eżempju konkret ta’ kooperazzjoni Ewropea li qed tagħti riżultati pożittivi kif juri l-fatt li naqas in-numru ta’ immigranti irregolari li waslu f’Malta u l-Italja kemm ilhom li bdew dawn il-patrols.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea sostna li l-kwestjoni ta’ l-immigrazzjoni ser tkun priorità għall-Presidenza Portugiża partikolarment minħabba l-Laqgħa tal-Ministri tal-Euromed fuq l-Immigrazzjoni li ser issir f’Novembru li ġej.
Il-Ministru Frendo esprima l-gratitutdni tiegħu għall-impenn ta’ Frattini biex l-Unjoni Ewropea taffronta din il-kwestjoni - li hi problema kbira għal Malta. Il-Ministru insista li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea turi aktar solidarjetà ma’ Malta f’din il-kwestjoni u l-Kummissjoni għandha taħdem aktar biex il-pajjiżi membri jerfgħu aktar responsabbiltà billi jieħdu minn dawn l-immigranti irregolari u joffrulhom futur aħjar.
Il-Ministru Frendo insista li Malta ma għandhiex tkun mistennija tiffaċċja l-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali weħidha, partikolarment fil-każ ta’ immigranti li jkunu salvati f’żona ’l hinn miż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tagħha. Il-Ministru Frendo u l-Kummissarju Frattini qablu dwar il-ħtieġa ta’ aktar diskussjoni mal-Libja dwar din il-kwestjoni.
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin sostna li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali hi wkoll ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Hemm organizzazzjonijiet kriminali li qed jisfruttaw is-sitwazzjoni ta’ dawn l-immigranti u jeħdulhom eluf ta’ liri biex joffrulhom vjaġġi perikolużi li spiss jispiċċaw fi traġedji.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966