STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI BI TWEĠIBA GĦALL-KONFERENZA TA’ L-AĦBARIJIET MILL-ALLEANZA TA’ L-ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ PENSJONANTI
B’referenza għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret il-bieraħ mill-Alleanza ta’ l-Organizzazzjonijiet ta’ Pensjonanti, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jiċċara li żgur qatt ma kienet l-intenzjoni tal-Ministru Cristina jew ta’ xi ħadd mill-Ministeru li l-Alleanza tiġi injorata jew mgħoddija biż-żmien.
Il-Gvern wera bil-provi, kemm fil-passat kif ukoll issa, li m’għandux problema li jikkonsulta. Fil-fatt, proprju qabel ma l-Alleanza għamlet il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, kien diġà sar qbil dwar laqgħa li ser issir mal-Grupp Tekniku dwar is-suġġett u dwar laqgħa oħra mal-Ministru Cristina aktar tard lejn l-aħħar ta’ Lulju. Il-Ministru kienet dejjem tal-fehma li l-membri ta’ l-Alleanza kellhom jiltagħqu ma’ grupp tekniku biex jiflu u jixtarru sew l-implikazzjonijiet tal-proposti tagħhom, imbagħad issir il-laqgħa tagħha ma’ l-Alleanza.
Ta’ min ifakkar li meta f’Novembru 2006 saret laqgħa bejn il-Ministru Louis Galea u l-Ministru Cristina u rappreżentanti ta’ l-Alleanza, intqal b’mod l-aktar ċar li l-Gvern kien qieghed iħares b’mod immedjat lejn riforma fis-sistema tal-pensjonijiet li tirrigwarda l-pensjonanti tal-ġejjieni.
F’din il-laqgħa, kemm il-Ministru Galea kif ukoll il-Ministru Cristina saħqu li din ir-riforma ma kienetx ser tolqot li dawk li huma diġà rtirati. Wara din il-laqgħa, il-Gvern ħa wkoll xi suġġerimenti li għamlet l-istess Alleanza u daħħalhom fir-riforma li bdiet tiġi mplimentata f’1 ta’ Jannar, 2007.
Aktar minn hekk, kif intqal lill-Alleanza bil-miktub għal aktar minn darba, il-pass li jmiss issa hu l-konsiderazzjoni ta’ aspetti oħra fil-qasam tal-pensjonijiet, jiġifieri b’mod partikolari fejn jidħlu anomaliji u sitwazzjonijiet li jolqtu lill-pensjonanti preżenti.
Għaldaqstant il-Gvern bħalissa għaddej b’ħidma konkreta u qiegħed jixtarr is-suġġerimenti ta’ l-Alleanza, kif ukoll ta’organizzazzjonijiet oħra. Iżda huwa importanti ħafna li jiġi apprezzat il-fatt li kull deċiżjoni trid tittieħed b’responsabbiltà u f’kuntest ta’ l-impatt finanzjarju tal-miżuri proposti, b’konsiderazzjoni għal dawk b’pensjonijiet l-aktar baxxi.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966