IL-KONSUM SOSTENIBBLI HUWA GĦODDA BIEX NIĠĠIELDU T-TIBDIL FIL-KLIMA
“Il-konsum sostenibbli huwa wieħed mill-għodod li bihom l-popli tad-dinja jistgħu jiġġieldu t-tibdil fil-klima.” Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino waqt forum li sar din il-ġimgħa f’Ruma dwar il-kandidatura tal-Belt ta’ Milan għall-Expo tas-sena 2015 bit-tema “Feeding the Planet, Energy for Life” (Ikel għad-dinja, enerġija għall-ħajja). Il-Ministru Pullicino ipparteċipa f’dan il-forum fuq stedina personali tas-Sindku ta’ Milan Letizia Moratti.
Din it-tema ntgħażlet biex issir emfażi fuq il-bżonn li d-dinja jkollha ikel biżżejjed biex ikollha żvilupp sostenibbli f’kull aspett tal-ħajja, speċjalment fid-dawl ta’ l-isfidi ġodda li l-fenomenu tat-tibdil fil-klima qiegħed iġib miegħu f’dan il-qasam.
Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru Pullicino qal li 800 miljun persuna qed issofru l-ġuħ, 3 biljun ruħ jaqilgħu inqas minn dollaru kuljum waqt li biljun persuna m’għandix aċċess għall-ilma.
“Ikun għaqli wkoll li naħdmu flimkien mal-bdiewa lokali u anke mal-konsumaturi sabiex niżviluppaw u nwettqu sistemi prattiċi li jintegraw dawn il-bżonnijiet f’settur kummerċjali ġdid, li jkun jirrifletti s-suq modern u l-effetti tal-bidla fil-klima.
“Bħala Ministru responsabbli mill-agrikoltura u s-sajd, kif ukoll mill-ambjent – u għalhekk anke ta’ l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bidla fil-klima – nemmen li dan il-forum u fora internazzjonali oħra għandhom jindirizzaw l-effetti li l-agrikoltura għandha fuq il-bidla fil-klima, u viċi versa.
“Sas-sena 2015, it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet taħt il-Protokoll ta’ Kyoto ikunu laħqu nbidlu u għalhekk dan l-Expo ser ikun qed iseħħ f’era ta’ miri ġodda għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet, li jpoġġu quddiemna sfidi ġodda għal patterns ta’ konsum sostenibbli,” qal il-Ministru Pullicino.
“Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-fehema tiegħi, din is-serje ta’ fora internazzjonali għadhom jintużaw biex tiġi żviluppata strateġija li twassal biex nipprovdu liż-żgħażagħ tagħna bl-għarfien li ż-żieda fil-konsum ta’ l-enerġija tul ħajjitna – ta’ speċjalment permezz ta’ patterns ta’ konsum li m’humiex sostenibbli – minnha nnifisha hija responsabbli għal parti mill-bidla fil-klima,” hu żied jgħid.
Hu spjega li għalkemm l-agrikoltura tista’ tagħti kontribut biex jixxejjen dan il-fenomenu, l-agrikoltura tipproduċi wkoll ammonti kbar ta’ gassijiet ta’ l-effett serra. Dan jiġri l-ewwel nett bħala konsegwenza ta’ emissjoni ta’ gassijiet, prinċiparjament fil-forma ta’ methane u dijossidu tal-karbonju, it-tieni bħala riżultat tat-tnaqqis fil-potenzjal tad-dinja li tassorbi dawn l-emissjonijiet meta żoni forestali jinqerdu biex jgħamlu spazju għal prodotti agrikoli jew industrijali, u t-tielet minħabba l-ikel li jiġi impurtat ħalli effett fuq l-ekoloġija minħabba lit-trasport tiegħu ukoll jipproduċi emissjonijiet. Fid-dawl ta’ dan il-Gvernijiet għandhom iħeġġu l-konsum ta’ prodotti lokali.
Il-Ministru Pullicino rrefera wkoll għall-bżonn li l-baħar jiġi sfruttat għall-produzzjoni ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija.
“Bħala Ministru li ġej minn gżira-stat żgħir, ma nistax ma nsemmix il-bżonn li nistħarrġu l-potenzjali li jista’ joħroġ mill-ibħra tagħna. Fid-dawl ta’ dan, jien sħaqt u ser inkompli nisħaq li biex nitimgħu d-dinja għandna wkoll niffukaw fuq ir-riżorsi marittimi, u mhux biss fuq dawk ta’ l-art.
“Peress li ġej minn nazzjon b’densità tal-popolazzjoni ta’ 1,200 ruħ għal kull kilometru kwadru, nemmen b’saħħa li l-ambjent marittimu jista’ jkun ta’ fejda biex nilħqu l-miri tagħna, bħal per eżempju dawn dwar il-bio-fuel, li jista’ jinkiseb mill-ħsad ta’ l-algae għal dan l-għan. L-ambjenti marittimi għandhom jagħtuna perspettiva ġdida għall-isfidi li għandna quddiemna, jekk irridu ntejjbu r-riżultat tal-ħidma tagħna,” qal il-Ministru.
“It-triq lejn il-World Expo 8 snin oħra, għandha tgħinna nħejju iktar sabiex nipprovdu qafas organizzat tar-riżorsi edukattivi tagħna biex b’hekk ntejjbu l-iżvilupp. Sakemm aħna ma nedukawx u niżguraw ekonomija sostenibbli, żgur ma nistgħu qatt nikkonvinċu l-poplu jħossu parti minn dinja li taċċetta sistemi ġodda ta’ konsum ta’ l-enerġija favur l-ambjent, li jnaqqsu l-impatt tal-bidla fil-klima.
“Il-belt ta’ Milan u l-Italja żgur li għandhom il-kapaċitajiet kulturali, edukazzjonali u teknoloġiċi biex imexxu sforz komuni bejn pajjiżi differenti biex jipprovdu pjan għat-tmien snin li ġejjin, liema pjan ser iwassal għal soluzzjonijiet konkreti li jistgħu jiġu pproġettati waqt il-World Expo 2015.
“Din hija r-raġuni ewlenija għala Malta ddeċidiet li toffri l-appoġġ tagħha għall-kandidatura ta’ Milan. Qed nappoġġjaw proġett, aktar milli avveniment,” temm jgħid il-Ministru Pullicino.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966