ĦAMES LABORATORJI ĠODDA GĦALL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET AGIUS DE SOLDANIS F’GĦAWDEX
Bħalissa għaddej xogħol estensiv biex fl-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis ġewwa r-Rabat, Għawdex, jitwaqqfu ħames laboratorji ġodda. F’dawn il-jiem mistenni jsir xogħol marbut ma’ l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sigurta’ kontra n-nirien kif ukoll sistema ta’ distribuzzjoni tal-gas, wara li fl-aħħar jiem saru xogħlijiet li kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ solar panels ġodda, l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida, flimkien ma’ xogħlijiet ġenerali ta’ żebgħa u tikħil.
Dawn il-ħames laboratorji qed jitwaqqfu biex fihom jiġi mgħallem is-suġġett tad-Disinn u Teknoloġija u li fih jiġbor suġġetti bħal ‘Textiles’, ‘Resistant Materials’, ‘Food Technology’ u ‘Electronics including Computer aided Machines’. L-għan ewlieni tas-suġġett huwa li jintroduċi l-studenti fid-diversi aspetti tat-teknoloġija permezz ta’ tagħlim prattiku u teoretiku fid-dawl ta’ possibiltajiet ta’ karrieri futuri.
Dan il-proġett jinkludi wkoll xogħlijiet oħra li jridu jsiru f’dawn il-laboratorji inkluż l-installazzjoni ta’ faċilitajiet wireless, fosthom mini-servers, projectors u computers, l-installazzjoni ta’ ceiling fans kif ukoll it-tibdil ta’ madum tal-laboratorji u l-kurridur li jagħti għalihom. Ser jinxtara wkoll apparat ġdidgħal-laboratorju ta’ l-Elettronika.
Waqt żjara fuq il-post tax-xogħol, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li dan il-proġett, minbarra li jintroduċi l-aspetti differenti ta’ dan is-suġġett lill-istudenti, jipprovdi wkoll lil din l-iskola b’faċilitajiet moderni, inkluż tagħmir ta’ kwalita’ u sigur. Il-Ministru Debono qalet ukoll li l-investiment kontinwu tal-Ministeru għal Għawdex b’riżq l-iżvilupp tas-settur edukattiv f’Għawdex qiegħed iwassal biex l-istudenti Għawdxin ikollhom dejjem iktar ambjent aħjar li jistimola t-tagħlim. Fl-1999, il-Ministeru għal Għawdex beda jwettaq pjan intensiv ta’ modernizzar f’diversi skejjel Għawdxin u sal-lum ġew introdotti laboratorji ġodda tal-computers u tax-xjenza, ġew installati faċilitajiet li jwasslu għal iktar aċċessibilita’, sar tibdil komplet fis-sistemi tad-dawl u ta’ l-ilma, u sar ukoll l-immodernizzar ta’ klassijiet, uffiċċji u swali f’diversi skejjel skond il-ħtieġa.
Minbarra l-proġett tal-laboratorji fl-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis qed isiru proġetti oħra ġewwa diversi skejjel Għawdxin fosthom xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ u ta’ modernizzar ġo l-iskola primarja Rosa Magro fix-Xewkija, u l-installazzjoni ta’ lifts fl-iskola primarja Sir Arturo Mercieca fir-Rabat u fl-istess skola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis. Ġiet sottomessa wkoll applikazzjoni lill-Awtorita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjannar biex jiġi installat lift fl-iskola post-sekondarja Sir Mikelanġ Refalo. Xogħlijiet oħra li huma mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin jinkludu l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda tad-dawl u l-awdjo tal-palk u tas-sala ġo l-iskola primarja tax-Xagħra flimkien ma’ xogħlijiet oħra fl-iskejjel primarji tan-Nadur u taż-Żebbuġ.
Il-Gvern ser ikompli jinvesti b’mod sostanzjali f’dan il-qasam importanti permezz tal-proġett ta’ l-iskola sekondarja tas-subien bl-investiment ta’ Lm3m, u li se jwassal biex l-iskola tkun tista’ takkomoda sa massimu ta’ 1,000 student filwaqt li tinkludi klassijiet u laboratorji akbar, faċilitajiet ġodda, parkeġġ taħt l-art u grawnd tal-futbol 7-a-side fost l-oħrajn.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966