Left arrow Go Back

Il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar Illegali tad-Droga

PR0957
Date Icon 26/06/2007

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar Illegali tad-Droga, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali huwa konxju li din hija problema li tolqot lis-soċjetà kollha kemm hi u għalhekk, il-poplu kollu huwa mħeġġeġ li llum jirrifletti dwar dan. 

Din is-sena, l-Uffiċċju dwar id-Droga u r-Reati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNODC – United Nations Office on Drugs and Crime) niehda kampanja kontra d-droga li ser iddum għaddejja għal tliet snin bit-tema "Do drugs control your life? Your life. Your community. No place for drugs."

Dan bla dubju huwa messaġġ pożittiv ħafna li nistgħu napplikawh għal pajjiżna. L-effett tad-droga tolqot ukoll lill-komunitajiet tagħna u għalhekk hija l-politika tal-gvern li nsaħħu s-servizzi soċjali fil-komunitajiet tagħna ħalli nkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha u ambjent li jgħin it-trobbija ta’ uliedna. 

Tul dawn l-aħħar snin pajjiżna mpenja ruħu billi ħa sehem fir-riċerka kemm ta’ l-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs) kif ukoll ta’ l-HBSC (Health Behaviour in School-aged Children), studju msejjes mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).  

Permezz ta’ dan, ksibna informazzjoni prezzjuża li għenitna nieħdu bosta miżuri fosthom li għaddejna l-liġi l-ġdida dwar il-konsum ta’ alkoħol mill-minuri, il-liġi dwar ix-xiri tat-tabakk, u l-policy dwar abbuż ta’ sustanzi għall-iskejjel primarji u sekondarji. Mir-riżultati tar-riċerka jidher li ż-żgħażagħ li jibdew jesperimentaw b’alkoħol u bit-tabakk minn eta’ żghira, iktar ma jikbru dawn jistgħu jirrikorru għall-istimolanti bħall-ecstasy.  

Jidher ukoll li l-biċċa il-kbira ta’ dawk iż-żgħażagħ li jduru għad-droga iebsa bħall-eroina, jagħmlu dan wara li jkunu esperimentaw b’soft drugs, alkoħol u tipjip. Għalhekk, dan juri biċ-ċar li hemm bżonn li nkomplu nsaħħu s-settur ta’ prevenzjoni fost iż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji u post sekondarji.  

Nistgħu ngħidu li pajjiżna mmatura ħafna f’dan il-qasam u fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin ser inniedu għal konsultazzjoni pubblika l-ewwel politika nazzjonali dwar id-droga. Din għalhekk ser tkun għad-dispożizzjoni ta’ l-esperti fil-qasam biex huma jagħtu l-kontribut siewi tagħhom. Din il-politika tfasslet mill-Kummissjoni Nazzjonali Kontra l-Abbuż mid-Droga, l-Alkoħol u Vizzji Oħra. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-konsultazzjoni wiesa’ biex b’hekk, flimkien ma’ l-aġenziji governattivi bħal Sedqa, ma’ l-organizzazzjonijiet volontarji bħal Caritas u OASI, u ma’ entitajiet oħra bħal ma jistgħu jkunu entitajiet privati, aħna lkoll naħdmu id f’id u fis-sod biex noħolqu pjan stabbli, koerenti u fit-tul ħalli nkomplu nilqgħu għall-isfidi kbar li l-pjaga tad-droga ġġib magħha. 

Bħal-lum ma nistgħux ma naħsbux f’dawk li jsofru mill-problema ta’ abbuż ta’ droga, kemm min qed jagħmel użu mid-droga, kif ukoll il-familji tagħhom, il-ħbieb tagħhom, u l-kollegi tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Lilhom irridu nkomplu ngħatuhom l-appoġġ kollu tagħna biex ngħinuhom jaqtgħu l-vizzju u jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Din żgur mhijiex xi ħaġa faċli u għalhekk jeżistu organizzazzjonijiet li jagħmlu minn kollox biex igħinu lil dawn in-nies.  

Nibqgħu nħeġġu lil kull wieħed u waħda minn dawk li bħalissa jinsabu f’post imbiegħed u mudlam biex jersaq lejn dawn l-organizzazzjonijiet ħalli pass wara l-ieħor, jibdew it-triq lura lejn il-ħajja. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow