Left arrow Go Back

IMNIEDI L-QAFAS NAZZJONALI TAL-KWALIFIKI

PR0917
Date Icon 19/06/2007

Wara li proċess ta’ konsultazzjoni li beda f’Novembru tas-sena li għaddiet, dalgħodu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea, nieda il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki. Permezz ta’ dan il-qafas, qed tinħoloq sistema ġdida li tpoġġi l-kwalifiki kollha li jinkisbu f’Malta f’qafas ta’ tmien livelli li jiċċertifikaw il-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja.

“Pajjiżna issa għandu mappa ċara tal-livelli kollha ta’ kwalifiki li jistgħu jinkisbu.  Min iħaddem u l-ħaddiema kollha issa se jkollhom informazzjoni ċara ta’ xi jkun meħtieġ biex tidħol u biex tikkwalifika f’kull livell, u għalhekk se jkun aktar faċli biex wieħed isarraf dak li jaf f’xogħol jew li jkompli jibni l-għarfien tiegħu fuq dak li diġà għandu. Din l-għodda l-ġdida ser tgħin ukoll biex is-suq tax-xogħol fl-ekonomija tagħna jkun aktar organizzat u jippermetti ċaqliq minn post għall-iehor b’aktar faċilità, sew f’Malta kif ukoll fl-Ewropa,” qal il-Ministru Galea li ddeskriva din l-inizjattiva bħala l-bidu ta’ żvilupp importanti fil-kultura edukattiva ta’ Malta.  Dan se jwassal biex aktar individwi jħossu l-bżonn ta’ l-edukazzjoni tul il-ħajja.  Din l-inizjattiva se tagħti bidu għal proċess ta’ rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra l-edukazzjoni formali.  Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni tenna li biex dan iseħħ il-Gvern se joħloq proċessi biex jiċċertifika l-ħiliet miksuba tul il-ħajja biex dawn jissarfu fi kwalifiki formali. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol irringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki li ħadem biex dan il-Qafas jitħejja u biex sar proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa biex issa seta jiġi ppreżentat il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki għal pajjiżna.  “B’dan il-pass, Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li tħaddem is-sistema ta’ edukazzjoni fuq bażi ta’ Qafas ta’ Kwalifiki.  Ir-Renju Unit, Franza u l-Irlanda huma l-pajjiżi l-oħra li għandhom Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki mis-27 pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki ta’ Malta huwa msejjes fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.  Fih 8 Livelli ta’ kwalifiki li jkopru s-sistema edukattiva formali minn dik obbligatorja sa dik ta’ Edukazzjoni Ogħla.  Kienu l-proċessi Ewropej ta’ Bologna (1999) u dak mibdi f’Kopenhagen fl-2002 li bnew bejniethom il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.  Il-proċess mibdi f’Bologna ħaseb għall-edukazzjoni terzjarja filwaqt dak mibni f’Kopenhagen f’dik vokazzjonali u obbligatorja. 

Il-Qafas Malti huwa msejjes fuq iż-żewġ proċessi, b’hekk l-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll dik ogħla u obbligatorja huma minsuġa f’Qafas wieħed.  B’hekk is-sistema edukattiva ta’ Malta se tagħti lok għal żviluppi ġodda fil-qasam tal-kwalifiki kemm dawk miksuba f’istituzzjonijiet ta’ tagħlim formali bħal l-iskola, l-MCAST jew l-Universita’ kif ukoll b’mod informali jew mhux formali permezz ta’ esperjenzi fuq il-postijiet tax-xogħol jew tagħlim ieħor.

Fil-preżentazzjoni tkellmu wkoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti s-Sur Charles Mizzi kif ukoll il-Kap Eżekuttiv Dr. James Calleja.  Is-Sur Mizzi ppreżenta il-Qafas Malti għall-Kwalifiki, u spjega r-relazzjonijiet bejn il-livelli tal-kwalifiki.  Dr Calleja ppreżenta erba’ dokumenti li fix-xhur li ġejjin se jkunu diskussi ma’ l-imsieħba f’dan is-settur biex il-qafas li issa huwa ffinalizzat ikun jista’ jitwettaq fil-prattika.  Id-dokumenti jittrattaw is-sistema ta’ taħriġ vokazzjonali u l-kwalità tat-tagħlim vokazzjonali, kif ukoll ktieb li jagħti deskrizzjoni tal-għerf, ħiliet u kompetenzi li wieħed għandu jikseb fl-ewwel tlett livelli tal-Qafas tal-kwalifiki.

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol iddeskriva l-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki bħala ħolqa oħra importanti fir-riforma tas-sistema edukattiva ta’ Malta. Louis Galea fisser l-importanza tal-kwalifiki fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel kontinwament.  Hu saħaq fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż li dan issa qed jissarraf f’aktar opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u ta’ xogħol aħjar.  Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni tenna li investiment kbir li qed isir fl-edukazzjoni jrid ikun kumplimentat b’sistema ta’ kwalifiki li tiġbor l-akbar ammont ta’ individwi biex ilkoll jirnexxu.  “Ħadd m’għandu jibqa’ lura” tenna Dr Galea.  “Hemm bżonn li l-pajjiż jibda jgħaraf b’forma legali, il-ħiliet kollha taċ-ċittadini tiegħu”.  Huwa qal li l-pajjiż m’huwiex nieqes mill-ħiliet imma kien hawn il-bżonn ta’ sistema fejn dawn jiġu rikonoxxuti b’mod formali. Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jinpenja ruħu biex il-kultura tal-kwalifiki f’pajjiżna tinbidel minn waħda ta’ assessjar ta’ għerf għal waħda komprensiva li tkopri wkoll ħiliet u kompetenzi mhux biss f’kuntest ta’ edukazzjoni istituzzjonali imma wkoll f’ambjent informali u mhux  formali.

Il-Ministru Galea qal li minn studju li sar mill-Presidenza Tedeska, Malta flimkien mar-Renju Unit, l-Irlanda u Franza għandhom Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki.  “Dan huwa pass importanti ħafna biex nersqu lejn il-mira tal-Gvern li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza fit-taħriġ u l-edukazzjoni,” qal Louis Galea.  Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni rrefera wkoll għall-investiment ta’ Lm50 miljun (€116 m) fl-MCAST kif ukoll r-riforma tal-qasam edukattiv u l-iżviluppi fl-Università.  Huwa qal li dawn huma sinjali inkoraġġanti ħafna fis-settur edukattiv u juru b’liema serjetà l-Gvern jieħu t-tagħlim u taħriġ.

“Permezz tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki, il-Gvern qed joffri lil kulħadd mezz biex mhux biss jakkwista kwalifika f’dak li kapaċi jagħmel imma ukoll triq ta’ edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja,” temm jgħid Louis Galea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow