Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI U L-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA SOĊJALI

PR0903
Date Icon 16/06/2007

F’ittra datata 11 ta’ Ġunju 2007, id-Dipartiment tal-Kuntratti uffiċjalment informa lil Assets Investments Limited li, b’effett immedjat, ġie tterminat il-kuntratt li kien ingħata f’Novembru 2002 għall-konstruzzjoni u tlestija ta’ 33 appartament, 5 ħwienet u 29 garaxx fi Triq L-Iljun, ma’ Triq l-Argotti, il-Furjana (L/A 414/2002). Dan l-iżvilupp hu parti minn programm kontinwu ta’ l-Awtorità tad-Djar fil-qasam ta’ l-akkomodazzjoni soċjali.  

Meta f’April saru t-testijiet xjentifiċi, skond il-proċedura, irriżulta li l-materjal li ntuża fil-kostruzzjoni ta’ xi soqfa kien ta’ kwalità inferjuri u mhux skond l-istandards aċċettabbli għall-Awtorità tad-Djar u għad-Dipartiment tat-Tiswija u Manutenzjoni tad-Djar. Għalhekk, il-kuntrattur immedjatament intalab jissosspendi x-xogholijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa. L-Awtorità tad-Djar ressqet il-każ lid-Dipartiment tal-Kuntratti u talbet li jiġi tterminat il-kuntratt minħabba l-kwalità tal-materjal użat mill-kuntrattur. Aktar minn hekk, il-kuntrattur kien kiser ukoll kundizzjonijiet oħra fis-sens li ma tlestewx ix-xogħolijiet fiż-żmien stipulat skond il-kuntratt.  

Asset Investments Limited esprimiet dubji dwar il-metodu wżat biex ittieħdu l-kampjuni, il-kwalifiki tan-nies tekniċi u l-akkreditazzjoni tal-laboratorji li wettqu t-testijiet. Minħabba n-natura sensittiva ta’ din il-kwistjoni, il-Kumitat tal-Kuntratti qabbad żewġ esperti ta’ l-Università sabiex jeżaminaw il-metodoloġija wżata. Saru arranġamenti wkoll sabiex persuna barranija, li hi teknika u kkwalifikata, tieħu kampjuni oħra f’laboratorju akkreditat fir-Renju Unit.  

Il-Kumitat tal-Kuntratti rċieva r-riżultati ta’ dawn it-testijiet fl-aħħar ta’ Mejju fejn ġew ikkonfermati r-riżultati preċedenti. Wara konsiderazzjoni bir-reqqa mill-Kumitat, il-kuntratt tax-xogħolijiet gie tterminat, bil-Gvern jirriserva d-dritt li jitlob kumpens għax-xogħol ħażin li sar u għall-fatt li x-xogħolijiet tlestew tard.  

L-Awtorità tad-Djar qegħda tistenna rapport dwar l-istruttura tal-bini sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli jittranġa x-xogħol ħażin. Fil-każ li jkun meħtieġ xi twaqqih u rikostruzzjoni ta’ xi partijiet ta’ dan l-iżvilupp, dawn ser isiru taħt is-superviżjoni ta’ esperti strutturali.  

L-Awtorità tad-Djar u d-Dipartiment tal-Kuntratti jisħqu li ma jistgħux jaċċettaw xogħolijiet ta’ kwalità inferjuri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow