Proġetti tal-Gvern għal Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u Xemxija .. b’investiment ta’ 7.8 miljun euro
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ħabbar erba’ proġetti maħsuba biex ikomplu jsebbħu l-inħawi ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar bl-iskop li dawn l-inħawi ta’ importanza turistika jkompli jiġu riġenerati. Dawn il-proġetti jinvolvu nvestiment ta’ 7.8 miljun euro li l-Gvern qed jissottometti sabiex parti mill-finanzjament tagħhom jsir minn Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Dimech spjega li dawn il-proġetti huma frott ta’ diskussjoni ma’ l-istakeholders u issa qed jippreżentahom f’din il-laqgħa pubblika bħala l-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni ma’ l-assoċjazzjonijiet kollha interessati u mal-pubbliku b’mod ġenerali.
“Il-Gvern ħaseb biex parti mill-flus li l-Unjoni Ewropea ser tagħtina mill-Fondi Strutturali 2007-2013 jmorru għall-Iżvilupp tal-Prodott f’Malta u Għawdex. Minn dawn il-ħames proġetti, tlieta ser ikunu għall-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, miżura li turi b’liema serjetà u urġenza l-Gvern qed iħares lill-operaturi turistiċi f’dawn l-inħawi,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern preżenti kien diġa’ wettaq fl-inħawi diversi proġetti. Hu qal li dawn jinkludu:
o Il-proġett għat-tisbiħ ta’ Dawret il-Gżejjer;
o Il-proġett għat-tisbiħ tax-Xemxija;
o Il-proġett tal-‘perched beach’ f’Buġibba.
Dawn proġetti li qed isiru minn Ministeri differenti, apparti progetti għal aktar ‘parking’ f’Bugibba mill-Ministeru għat-Trasport.
“Il-Gvern issa ser jaqbad b’mod sħiħ l-area kollha ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar; u ser iwettaq programm li jkopri l-ħolqien ta’ mogħdija panoramika tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar; it-titjib ta’ l-inħawi kostali u l-iżvilupp ta’ bajja bir-ramel fix-xtajta tal-Qawra u l-iżvilupp ta’ faċilita’ edukattiva, attrazzjoni turistika, ġnien u promenade ħdejn il-baħar fil-Qawra,” ħabbar il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-proġett tal-Qawra kien wieħed ta’ kwalità għolja b’diversità ta’ spazji miftuħa għad-divertiment u faċilitajiet għall-Maltin u t-turisti. Hu qal li dan il-proġett kien jinkludi faċilità edukattiva u attrazzjoni għat-turisti. Hu qal li dan il-proġett kien jinkludi attrazzjoni ta’ arkeoloġija marittima; diving institute; ġnien li jkun landscaped u promenades; teatru Grieg; faċilitajiet għall-informazzjoni; kiosks u car park.
“Nemmnu li dan l-iżvilupp ser jgħolli l-immaġini ta’ Buġibba u l-Qawra bħala summer resort. Ser jinkoraġixxi lir-residenti fil-lukandi biex iqattgħu aktar ħin u jonfqu aktar flus f’Buġibba u l-Qawra aktar Maltin u turisti jżuru dawn l-inħawi,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bħala parti minn dan l-iżvilupp, ser jitwettaq proġett bl-iskop li jitjieb l-aċċess pubbliku u l-aċċess għall-karrozzi, jiġi estiż il-promenade madwar il-Forti, ikun hemm aċċess tal-karozzi għall-għaddasa, aċċess aħjar għall-baħar għall-għaddasa, restawr ta’ siti li huma fi stat ħażin, titjib jew tneħħija ta’ rqajja bil-konkos, slielem għall-bajja; landscaping, dwal u titjib ta’ ‘public toilets’ eżistenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kienet ser tinħoloq ukoll bajja ġdida bir-ramel fid-daħla naturali tal-Qawra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’San Pawl il-Baħar, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità, kien ser jitwettaq proġett estensiv ta’ titjib li kien primarjament jinkludi t-tisbiħ tax-xatt. Il-proġett jaħseb li joħloq mogħdija għal min irid jimxi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħala parti min dan il-proġett ser issir mill-ġdid il-bankina mill-Gilleru sa’ l-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar, li tinkludi bini mill-ġdid jew twessiegħ tal-bankina eżistenti. Hu qal li partijiet mit-triq ser ikunu mibnija mill-ġdid filwaqt li f’parti mit-triq li hi dejqa ħafna ser jinħoloq promenade tal-ħadid u l-injam.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-preżentazzjoni tal-lum kienet qed tagħti bidu għall-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni tal-Gvern. Il-Ministru irringrazzja b’mod partikolari lill-uffiċjali rappreżentanti tal-MHRA, GRTU, l-Assoċjazzjoni tal-Bars u Ristorianti f’San Pawl il-Baħar, u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-preżenza u parteċipazzjoni tagħhom matul l-istess laqgħa.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li deskrizzjoni tat-tliet proġetti tal-Gvern kienet ilha tidher fuq il-website ta’ l-Awtorita għat-Turiżmu ta’ Malta minn nofs April, jiġifieri għal xahrejn sħaħ. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’dan il-proġett kien se jsir minn kollox biex ninkorporaw miżuri ta’ konservazzjoni ta’ enerġija.
“It-turiżmu fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar kien qed jingħata spinta billi qed ikunu organizzati fl-inħawi diversi attivitajiet. Fost dawn ħabbarna dan l-aħħar tnejn: il-Malta International Air Show li ser issir f’San Pawl il-Baħar u l-Festa Mużika, li ser tiġi organizzata fil-21 ta’ Ġunju biex tiftaħ l-istaġun tas-sajf. Dawn l-attivitajiet, flimkien ma’ proġetti ta’ tisbiħ għandhom jirriġeneraw dawn l-inħawi u jagħmlu enfasi fuq din l-area bħala waħda turistika mill-aqwa,” temm il-Ministru Zammit Dimech.
Permezz ta’ dawn il-proġetti li l-Gvern qed iwettaq b’mod konkret, proġetti li jwasslu għar-riġenerazzjoni ta’ l-area ta’ Bugibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija biex din l-istess area tiġġedded bħala żona turistika ta’ kwalita’. Dawn il-proġetti jagħtu prova oħra kif il-Gvern ser juża b’mod għaqli l-flus li ġab favur Malta mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Sadanittant il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħabbar li Malta se tapplika għal fondi strutturali biex tiffinanzja skemi għal intrapriżi u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll skema dwar l-impjiegi.
Il-Ministru Zammit Dimech ta tagħrif dwar dawn l-iskemi. Hu qal li l-ewwel skema kienet għal proġetti relatati mas-settur turistiku li jitwettqu minn intrapriżi. Hu qal li proġetti taħt din l-iskema riedu jkunu relatati mat-titjib tal-prodott u investiment f’tagħmir, imprenditorija u marketing. Hu qal li l-iskop ta’ dawn l-iskemi hu li Malta issir aktar kompetittiva permezz ta’ offerta turistika aktar attraenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tieni skema kienet għal proġetti li jitwettqu minn organizazzjonijiet mhux governattivi. Hu qal li l-Gvern jagħraf ir-rwol importanti tal-NGOs u ser jappoġġja proġetti li jwettqu dawn l-organizazzjonijiet bl-iskop li jtejjbu l-prodott turistiku u biex jinvestu f’tagħmir, restawr ta’ siti ta’ wirt kulturali u ambjentali, artefatti u marketing.
“Fiż-żewġ skemi il-Gvern qed jinkoraġġixxi proġetti li jew huma innovattivi jew li għandhom komponent ta’ teknoloġija ta’ l-informatika u li jikkontribwixxu għall-ambjent. Iż-żewġ skemi joffru kofinanzjament għall-proġetti,” tenna l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Ministru qal li skema oħra hi dik dwar l-impjiegi. Hu qal li l-iskop wara din l-iskema hu li jipprovdu opportunita’ għal impjieg għal dawk li huma lesti li jaħdmu fl-industrja filwaqt li jpprovdu lill-industrja b’ħaddiema potenzjali għall-futur u li jkunu kisbu esperjenza ‘hands-on’ filwaqt li kienu qed jaħdmu fl-industrja.
Other Press Releases:
PR261966en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261966