Left arrow Go Back

‘‘Qed jinqalgĦu toroq li saru Ħażin fil-passat......minĦabba nuqqasijiet fl-ippjanar tat-toroq minn Gvernijiet SoĊjalisti’’ – Stqarrija mill-ministERU GHALL-IZVILUPP URBAN U TOROQ

PR0892
Date Icon 14/06/2007

Kuntrarju għal dak li kien isir taħt Gvernijiet Soċjalisti, partikolarment fit-tmeninijiet, illum il-ġurnata l-bini mill-ġdid ta’ toroq qed isir b’mod ħolistiku. Gvernijiet Soċjalisti żgur li ma kienux iħarsu lejn struttura ta’ triq li sservi fit-tul. Kien minħabba dan in-nuqqas ta’ ppjanar serju li l-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, bħal dik fl-Imtarfa li tlestiet dan l-aħħar, kellhom jinqalgħu u jerġgħu jinbnew mill-ġdid.

Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien sfida ta’ kif wieħed jibni triq f’terren diffiċli bi problemi ta’ tafal, ilma tal-pjan dejjem ġej, kif ukoll ta’ għolja pjuttost instabbli. Id-disinn strutturali ta’ din it-triq kellu għalhekk ikun il-ħin kollu irfinut.

Gvernijiet Soċjalisti qatt ma kienu jinkorporaw sistemi ta’ storm water, jiġifieri kif wieħed jiddisponi b’mod studjat u sostenibbli mill-ilma kollu li jaqa’ fuq it-triq. Sfida oħra kienet kif is-servizzi li jgħaddu mit-triq ikunu ntegrati fl-istess bini tagħha, b’tali mod li jekk ikun hemm xi ħsarat, ma jkunx hemm għaliex it-triq tinqala’. Illum il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq iffaċċja dawn l-isfidi minkejja l-problemi kollha.

Fil-fatt f’tul ta’ 3 kilometri ta’ triq ġdida, l-bypass fiha sistema sħiħa ta’ storm water li tkopri 6 kilometri. Barra minn hekk għaddew mill-ġdid is-servizzi ta’ l-ilma u tad-dawl mill-Water Services Corporation u mill-Enemalta rispettivament.

Il-mod sħiħ ta’ kif qed isir il-proġett jinkludi wkoll il-junctions jiġifieri ir-roundabouts fit-trufijiet. Ħafna drabi dawn huma żoni fejn jiltaqgħu ruxxmata servizzi differenti f’daqqa b’talbiet għal servizzi ġodda li jkunu jridu jiġu ndirizzati, flimkien ma’ l-isfida tat-treġija tat-traffiku waqt li x-xogħol ikun għaddej.

Filwaqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet, l-Awtorità għat-Trasport Pubbliku kellha tħares lejn il-problema ta’ l-istabilità ta’ l-għolja tal-fjuri. Sabiex ikun żgurat li x-xogħlijiet ma jikkawżawx ħsarat fil-bini f’din iż-żona, għaddej survey kontinwu tal-kundizzjonijiet strutturali tal-vilel kollha. Barra minn hekk f’dawn l-aħħar ġimgħat, kien deċiż li l-entratura għaż-żona ‘tal-fjuri’ titjieb u għalhekk ġie nkorporat disinn ġdid għall-junction ta’ din in-naħa.

B’risposta għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor.  Alfred Sant, il-Ministru l-Onor. Jesmond Mugliett staqsa fejn kienet il-kontabiltà ta’ Gvernijiet Soċjalisti fil-passat, meta Dr Sant kien jokkupa karigi għoljin bħala President tal-Partit fil-Gvern, jew bħala Kap ta’ l-istess partit. Kieku din il-bypass inbniet minn Gvern Soċjalista kif suppost, kieku forsi llum kull ma kien ikun jenħtieġ hu li t-triq tingħata wiċċ ġdid u mhux kellha tinqala’ mill-qiegħ u tkun mibnija totalment mill-ġdid.

Hu vera li 300 metru minn 3 kilometri sħaħ ta’ din it-triq, biswit l-art li ċediet, mhux se tkun miftuħa. Sabiex jevita li jmur il-Qorti u joqgħod jistenna l-eżitu tas-sentenza biex min hu ħati taċ-ċediment tat-triq jibni l-istruttura, il-Ministeru f’dawn l-aħħar xhur kien f’negozjati mal-kuntrattur Polidano biex jagħmel ix-xogħol ta’ l-irfid neċessarju. Il-Ministeru hu ottimist li fil-ġimgħat li ġejjin ikollu soluzzjoni kif din is-sitwazzjoni tiġi risolta.

Rigward l-istima, għadu kmieni biex wieħed jitkellem fuq spiża finali. Fil-fatt l-indikazzjoni li kien ta l-Ministru Mugliett ta’ nefqa ta’ madwar Lm3 miljuni (€6.9 miljuni) kienet tinkludi Lm270,000 (€628,930.82) kontinġenza li mhux bil-fors jintefqu kollha. Madankollu jekk l-ispiża tal-kuntratt ta’ Lm2.55 miljun (€5.94 miljuni) tinqabeż dan ma jkunx ifisser li kien hemm ippjanar ħażin iżda li  l-parti l-kbira tkun irriżultat minħabba li l-Common Service Duct kellu jitkabbar minħabba l-esiġenzi ta’ l-Enemalta biex il-cables taħt l-art ikollhom il-wesgħa biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu mċaqalqa.

Raġuni oħra kienet li l-mains ta’ l-ilma li oriġinarjament kienu ndikati li kellhom jiġu mċaqalqa, minflok kienu mibdula totalment. Barra minn hekk wara li nbeda l-ewwel skavar kien stabilit li l-ilma miexi taħt it-triq kien konsiderevoli u għalhekk kellu jinbena dak li jissejjaħ French drain.

Id-data mgħotija għat-tlestija tal-proġett hi d-29 ta’ Ġunju. Minkejja telfien ta’ jiem ta’ xogħol fuq il-proġett kawża tal-maltemp fil-jiem li għaddew, l-Awtorità hi kommessa li żżomm kemm jista’ jkun ma’ din id-data.

Fil-kritika tiegħu dwar il-kontabiltà, l-Onor. Alfred Sant ħalla barra l-aktar argument fundamentali, dak tal-valur għall-flus. Il-Ministru Mugliett jistieden lil kulħadd biex wara li jibda juża t-triq l-ġdida, jiddeċiedi hu min, jekk il-flus li l-Gvern investa fil-bypass ta’ San Pawl l-Baħar, kienux investiment sewwa jew le. Jiddeċiedi l-poplu min kien il-Gvern li kull lira minfuqa ħa l-valur tagħha lura, jekk kienx Gvern Soċjalista li bena triq li wara ftit kellha tinqala’ mill-ġdid, jew hux il-Gvern preżenti li daħal għall-proġett ieħor imsejjes fuq disinn u ppjanar kif suppost; u li jħares lejn l-aspetti kollha ta’ kif għandha tinbena t-triq.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION FOR THE GRAND HARBOUR  Malta with a strong voice in international climate change negotiations

PR261966en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦALL-PORT IL-KBIR  Malta b’vuċi b’saħħitha fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

PR261966

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT, U R-RIĠENERAZZJONI GĦAL...

More Press Releases Right arrow