Għawdex imħejji sew għal ‘Lejlet Lapsi Notte Gozitana’
Kollox huwa mħejji sew f’Għawdex għall-ewwel edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana li se tinżamm fi tmiem din il-ġimgħa, b’dawk kollha involuti jistennew influss ta’ viżitaturi lejn il-gżira. Il-lukandi f’Għawdex diġa’ jinsabu mimlija filwaqt li anke t-taqsima ta’ akkomodazzjoni self-catering qed tirreġistra bejgħ tajjeb. Din iż-żieda fl-attivita’ turistika hija dovuta biss għall-organizzazzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana ta’ tmiem din il-ġimgħa li altrimenti kien ikun wieħed relattivament kalm għall-industrija turistika t’Għawdex.
Dan qalitu dalgħodu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt li flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u Kultura l-Onor. Francis Zammit Dimech, żaret siti diversi li se jservu bħala palkijiet prinċipali waqt l-attivitajiet ta’ tmiem il-ġimgħa – Pjazza Sabina, Pjazza Indipendenza, Pjazza San Ġorġ, Pjazza Santu Wistin, Pjazza San Franġisk u Triq ir-Repubblika. Dawn is-sitt żoni se joffri għażla wiesa’ ta’ attivitajiet kulturali għall-gost ta’ kulħadd inkluż ġeneri mużikali għal udjenzi ta’ etajiet differenti.
Il-Ministru Debono qalet li minbarra l-organizzazzjoni ta’ l-attivita’ fuq livell artistiku u kulturali, Lejlet Lapsi Notte Gozitana tenħtieġ organizzazzjoni sħiħa fuq livell loġistiku li tinkludi l-kordinazzjoni ta’ diversi servizzi biex l-esperjenza ta’ dawk li jżuru Għawdex għal din l-okkażjoni, tkun waħda pożittiva. Il-Ministru Debono qalet li kemm il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura sab koperazzjoni sħiħa mill-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-kumpanija Gozo Channel, il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, it-Taqsima tar-Red Cross f’Għawdex, l-Awtorita’ Dwar it-Trasport, il-Gozo Bus Owners’ Association, l-Awtorita’ Marittima Maltija u diversi Dipartimenti Governattivi oħra li se jipprovdu servizzi anke matul il-lejl kollu, skond il-ħtieġa għall-ġid ta’ dawk kollha li se jattendu l-attivitajiet organizzati. Il-Ministru Debono rringrazzjat lil dawk li se jkunu qiegħdin jaħdmu biex il-gżira t’Għawdex tkun iktar aċċessibbli waqt li toffri s-sigurta’ meħtieġa fl-istess ħin li jkunu għaddejjin id-diversi attivitajiet ta’ divertiment madwar il-belt.
B’riferenza speċifika għall-arranġamenti dwar it-trasport, il-Ministru Debono fakkret dwar is-servizzi speċjali ta’ trasport pubbliku li se jgħaqqdu sebat ibliet u rħula Maltin maċ-Ċirkewwa u lura, bejn is-Sibt u kmieni l-Ħadd filgħodu, kif ukoll is-servizz shuttle skond il-ħtieġa u bi prezz ridott mill-kumpanija Gozo Channel. Dawn iż-żewġ servizzi qed jiġu kkumplimentati minn skeda ta’ trasport pubbliku f’Għawdex li tkopri l-irħula kollha, inkluż Marsalforn, Xlendi u l-Port ta’ l-Imġarr, mar-Rabat u lura matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Dawn l-arranġamenti qiegħdin isiru biex il-pubbliku b’mod ġenerali jutilizza s-servizz ta’ trasport pubbliku u b’hekk jevita li jkollu għalfejn jivvjaġġa lejn il-belt Victoria u lura permezz tal-vettura privata.
“Lejlet Lapsi Notte Gozitana kienet opportunità unika għal Għawdex biex il-gżira tippromwovi t-teżori kulturali u artistiċi tagħha mhux biss fost l-Għawdxin iżda wkoll fost l-eluf ta’ Maltin u turisti li se jżuru Għawdex għal dan l-avveniment partikulari.”
Dan stqarru Dr Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u Kultura li żied li l-Parlament l-bieraħ approva l-estimi ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għal din is-sena. Hu qal li fil-pjani għas-settur turistiku l-Gvern qed jagħti attenzjoni speċjali lil Għawdex li qed nippromovuh bħala destinazzjoni għaliha bil-karatteristiċi u kultura tagħha u b’setturi speċjali bħal dak tad-diving. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ħafna proġetti infrastrutturali li qed jitwettqu f’Għawdex, il-proġetti ta’ tisbiħ, il-bini tal-portijiet fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, kif ukoll il-fergħa ta’ l-ITS qed jagħtu lil Għawdex l-upgrading li jixraqlu. Hu qal li dawn il-proġetti kienu wkoll qed jikkontribwixxu biex nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni speċjali u mill-aqwa.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana se ssir bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju madwar it-toroq prinċipali tal-Belt Victoria u ċ-Ċittadella f’Għawdex. Hija organizzata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, bil-għajnuna ta’ National Lotteries Good Causes Fund – Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta, Air Malta u Gozo Channel Company Limited, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex u BPC.
Il-programm ta’ l-attivitajiet li qed jiġu organizzati jista’ jinkiseb permezz tal- website www.gozoculture.com. Għal iktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq in-numru tat-telefon 21559832, jew permezz ta’ l-email: events@gozoculture.com.
Other Press Releases:
PR261976en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Mediterranea...
PR261976