APPOĠĠ INKORAĠĠANTI GĦAS-SEJĦA TAL-GVERN BIEX TKUN IRRANĠATA L-ĦSARA KAWŻATA MINN ATTI VANDALI FIS-SIT TAL-FORESTA 2000
L-appell tal-Gvern lill-pubbliku sabiex jgħin fil-kampanja għat-tħawwil mill-ġdid tas-siġar vandalizzati fis-sit ta’ Foresta 2000 fil-Mellieħa ntlaqa’ b’mod inkoraġġanti. Il-kampanja ta’għajnuna tħabbret mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li hu għamel il-bieraħ fis-sit fejn twettqu l-atti vandali fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa u li fiha sfaw milquta mat-3,000 siġra.
Minbarra l-għajnuna finanzjarja mħabbra l-bieraħ mill-HSBC Cares For The Environment Fund, il-Maltacom Group u mill-Ambaxxatur Taljan għal Malta llum saru wkoll numru ta’ pledges ta’ għajnuna oħra għal din il-kampanja minn entitajiet u individwi oħrajn. Fost dawn, il-ħaddiema tal-Ministeru tal-Finanzi offrew li jagħtu donazzjoni biex jitħawlu 500 siġra.
Kif tħabbar il-bieraħ mill-Ministru Pullicino nfetaħ kont bankarju ma’ l-HSBC li nħoloq apposta sabiex jintlaqgħu donazzjonijiet finanzjarji fih. Il-kont jismu Foresta 2000 – Replant the trees u għandu n-numru 033 22 14 58 001. Il-Bank of Valletta ngħaqad ukoll f’din il-kampanja u nfetaħ kont ieħor li jismu Foresta 2000 Project u għandu n-numru 10196790984.
Il-Ministru Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-appell għall-għajnuna ġġenera interess u qal li dan hu l-aktar eżempju ħaj u ċar li l-poplu qed juri li l-vandaliżmu mhux se jitħalla jirbaħ. Hu fakkar li kull għajnuna hija meħtieġa u qal li l-prezz ta’ siġra waħda huwa ta’ madwar Lm6 u għalhekk anke għajnuna żgħira twassal biex konkretament tgħin dan il-għan.
F’isem il-Gvern, il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kulmin diġa’ ta s-sehem tiegħu u tenna l-appell lill-pubbliku biex ikompli jgħin f’din il-kampanja
Other Press Releases:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en