Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962
Date Icon 19/11/2026

L-ewwel midalja tad-deheb għat-tim tal-irġiel u l-ewwel midalja tal-fidda għat-tim tan-nisa fil-European Team Shield Championships 2026

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar ir-Royal Malta Golf Club, fejn iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Malta Golf Association u mal-atleti Maltin li kisbu riżultati storiċi fil-European Team Shield Championships 2026, li saru f’Malta matul ix-xahar ta’ Awwissu li għadda.

 

Matul iż-żjara, il-Ministru feraħ lill-atleti għas-suċċessi miksuba u ppreżentalhom trofej ta’ rikonoxximent għall-kisbiet tagħhom f’dawn il-kampjonati, li fihom Malta kisbet l-ewwel midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni tal-irġiel u l-ewwel midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tan-nisa.

 

It-tim Malti tal-irġiel, magħmul minn Andrew Borg, Ruud Critien, Oliver Davies u JJ Micallef Verelst, kiseb l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja ta’ Malta f’kompetizzjoni tal-European Golf Association. Wara rebħiet kontra r-Rumanija u l-Latvja, it-tim Malti wasal sal-finali kontra t-Turkija, fejn kiseb rebħa deċiżiva wara logħba li kellha tiġi deċiża f'toqba addizzjonali.

 

It-tim Malti tan-nisa, magħmul minn Elliana Buhagiar, Laya Cristina, Serena Falzon Sant Manduca u Filippa Schulze Doering, kiseb l-ewwel midalja tal-fidda għal Malta f’dawn il-kampjonati. Wara rebħiet kontra l-Ukrajna u San Marino, it-tim Malti wasal sal-finali kontra t-Turkija, fejn ta prestazzjoni kompetittiva sal-aħħar.

 

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li dawn ir-riżultati jirriflettu d-dedikazzjoni, id-dixxiplina u l-impenn tal-atleti Maltin, kif ukoll il-ħidma li qed issir biex ikomplu jiġu żviluppati diversi dixxiplini sportivi f’pajjiżna.

 

“Dawn huma kisbiet li jagħmlu unur lil Malta u li juru x’jistgħu jiksbu l-atleti tagħna permezz tad-determinazzjoni, it-taħriġ u l-ħidma kontinwa. Il-fatt li Malta kisbet l-ewwel midalja tad-deheb u l-ewwel midalja tal-fidda f’dawn il-kampjonati huwa mument importanti għall-isport tal-golf f’pajjiżna. Dawn is-suċċessi għandhom iservu wkoll ta’ ispirazzjoni għal aktar tfal u żgħażagħ biex jiskopru dan l-isport u jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Irridu nkomplu nagħtu l-importanza li tixraq lil kull dixxiplina sportiva u nappoġġaw lill-atleti tagħna biex ikomplu javvanzaw u jikkompetu fuq livell internazzjonali,” qal il-Ministru Camilleri.

 

Il-President tal-Malta Golf Association, William Beck, qal, “Ilna nipparteċipaw fil-European Team Shield Championships għal dawn l-aħħar 12-il sena, u din is-sena kellna l-unur li nospitaw din il-kompetizzjoni f’Malta. Aħna kburin ħafna li t-tim tal-irġiel kiseb il-midalja tad-deheb, filwaqt li t-tim tan-nisa rebaħ il-midalja tal-fidda. Is-suċċess fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati kien possibbli wkoll bis-sostenn ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti. Nittamaw li dawn il-kisbiet iservu ta’ ispirazzjoni biex aktar żgħażagħ Maltin, kemm subien kif ukoll bniet, jitħajru jipprattikaw il-golf.”

 

Andrew Borg, wieħed mill-atleti tat-tim Malti tal-irġiel li rebaħ il-midalja tad-deheb, qal: “Huwa unur kbir għalina li rbaħna l-European Team Shield Championships din is-sena, speċjalment quddiem il-pubbliku Malti. Kellna tim magħqud ħafna u konna xxurtjati li kellna wkoll kowċis u staff tekniku eċċellenti. Wara li konna spiċċajna fir-raba’ post f’erba’ edizzjonijiet differenti, din kienet l-ewwel darba li rnexxielna niksbu l-ewwel post. Dan is-suċċess huwa frott il-ħidma tat-tim kollu, b’kontribut importanti minn Ruud Critien, JJ Micallef Verelst u Oliver Davies, li taw prestazzjonijiet mill-aqwa. Kienet ħidma kollettiva u kisba li tagħmilna tassew kburin.”

 

Il-European Men’s and Ladies’ Team Shield Championships 2026 kienu wkoll avveniment importanti għall-golf f’Malta, hekk kif għall-ewwel darba pajjiżna ospita kampjonat internazzjonali ta’ dan il-livell minn meta Malta ssieħbet fil-European Golf Association fl-2007.

 

Fil-kampjonati ħadu sehem 24 tim minn 18-il pajjiż, fosthom 14-il tim tal-irġiel u 10 timijiet tan-nisa, li kkompetew fuq erbat ijiem fir-Royal Malta Golf Club. L-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment kienet possibbli wkoll wara investiment sinifikanti li sar mill-klabb fit-titjib tal-korsa tal-golf.

 

Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru rrikonoxxa wkoll il-kontribut tal-kowċ Nicholas Zaher, tal-captain tat-tim tan-nisa Noah Gratil, kif ukoll tal-Malta Golf Association għall-ħidma tagħhom b’risq l-iżvilupp tal-golf u s-suċċess tal-atleti Maltin.

 

Il-Ministru rringrazzja wkoll lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati internazzjonali, li taw opportunità lil Malta biex tilqa’ atleti minn diversi pajjiżi Ewropej u tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena sportiva internazzjonali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Malta tlaqqa’ 15-il startup minn 12-il pajjiż biex tavvanza l-innovazzjoni fl-elettronika ċirkolari

PR261961

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow