Left arrow Go Back

L-aħħar Xogħlijiet ta’ Tisbiħ fi Ġnien il-Mall, Furjana

PR0697
Date Icon 11/05/2007

Matul dawn l-aħħar erba’ snin ix-xogħlijiet li saru fil-Belt Valletta u l-Furjana kienu estensivi u jvarjaw minn xogħlijiet ta’ tisbiħ f’ġonna pubbliċi sa restawr tas-swar, knejjes, kappelli u monumenti li huma sinonimi ma’ din iż-żona. Dan ix-xogħol ser ikompli fi snin li ġejjin bil-għan li l-ambjent infrastrutturali ta’ żona daqshekk importanti f’pajjiżna jkompli jiġi mtejjeb fuq standards għoljin sabiex b’hekk l-istess żona tiġi mżejna u ndukrata kif jixirqilha. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fi Ġnien il-Mall fil-Furjana. 

L-iskop ewlieni tal-proġett hu li titjieb id-dehra ta’ dan il-post storiku fuq livelli għoljin u b’materjal li jixraq lill-ġonna ta’ dan it-tip. Il-proġett inbeda fil-bidu ta’ din is-sena u mistenni li jintemm fil-ġimgħat li ġejjin. Fadal biss li jkompli jiġi msewwi l-ħajt tad-dawra, jitwaħħal ir-railing dekorattiv ġdid, tiġi nstallata sistema ġdida ta’ dawl, tpoġġija ta’ tankijiet għall-ħażna ta’ ilma għat-tisqija kif ukoll jiġu mpoġġija l-kumplament tal-garden furniture. 

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet kollha li saru f’dan il-ġnien, il-Ministru Ninu Zammit qal li għall-pavimentar qed jintużaw żewġ materjali differenti.  Dawn huma l-ġebla tal-franka, u l-granit.  Qabel seta’ jsir il-pavimentar il-ġdid inqala il-wiċċ il-qadim u l-kurduna ta’ ġewwa.   

Waqt li kien qiegħed isir dan ix-xogħol tqegħdu servizzi ġodda fosthom cables tat-telefon u dawl, u pajpijiet ta’ l-ilma għat-tisqija.  It-tul kollu tal-ġnien hu ta’ madwar 350 metru u l-area tal-pavimentar tkopri medda ta’ madwar 4,000 metru kwadru. 

Ix-xogħol fuq il-ħajt ta’ barra kien jinkludi l-qlugħ u bdil ta’ xi ġebel li tmermer u tberfil tal-fili kollha.  Ir-railing ta’ bejn il-pilastri qiegħed jinqala biex jinbidel b’xogħol ġdid. B’kollox ser ikunu nbidlu madwar 600 metru tul.  

Dan ir-railing qed jiġi mmanifatturat mill-ħaddiema stazzjonati fil-garaxx tal-gvern fejn qed jiġu mmanifatturati wkoll madwar 90 bank ta’ l-injam u 50 kontenitur ta’ l-iskart. L-aħħar xogħlijiet jinkludu wkoll it-tħaffir ta’ ġiebja zgħira għall-ħażna ta’ ilma biex it-tisqija tal-ġnien issir b’mod aktar effiċjenti. 

Fl-aħħarnett il-Ministru tenna li dan il-ġnien ser jgħaqqad max-xogħlijiet li saru fuq il-Barakka t’isfel, il-Barakka ta’ Fuq u Ġnien Hastings, liema xogħol totali jirrifletti f’investiment ta’ ‘l fuq minn Lm700,000 (€1,630,561) f’tisbiħ ta’ ġonna nazzjonali fil-Furjana u l-Belt Valletta biss. Il-ħidma tal-Ministeru f’dan il-qasam ser tkompli fix-xhur li ġejjin permezz ta’ kostruzzjoni ta’ ġonna oħra madwar il-pajjiż.  

Hawnhekk il-Ministru Ninu Zammit ħabbar li fil-futur qarib ser jinbeda xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ Outdoor Sports Complex flimkien ma’ ġnien Pubbliku fiż-Zurrieq, li ser ikun jinkludi pitch tal-football, multi purpose pitch, gymnasium, sports facilities u ġnien.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow