LAQGĦA BEJN IL-PRIM MINISTRU U RAPPREŻENTANTI TAL-MONTI TAL-BELT VALLETTA
Dal-għodu fil-Berġa ta’ Kastilja l-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi, kellu laqgħa ta’ tliet siegħat u nofs ma’ rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-Monti tal-Belt Valletta mmexxijja mis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella.
Matul dawn it-taħdidiet il-Gvern ippreżenta alternattivi differenti għar-rilokazzjoni tal-Monti tal-Belt wara li jitlesta l-proġett ta’ pavimentar fi Triq il-Merkanti li beda din il-ġimgħa.
Il-Prim Ministru spjega li:
1. l-Gvern iqis li biex tassew jintrebaħ il-valur ta’ l-introduzzjoni taż-żona pedonali fi Triq il-Merkanti bejn Triq San Ġwann u Triq it-Teatru l-Antik, il-Monti għandu jkun rilokat għal Triq il-Merkanti stess qrib is-suq intern tal-Belt.
2. Il-Gvern iżda lest jikkunsidra li jitkabbar is-sit il-ġdid tal-Monti fi Triq l-Arċisqof jew fi Triq il-Merkanti fid-direzzjoni ta’ Triq San Kristofru u anke jibdel ir-regolamenti viġenti dwar il-Monti biex il-bejjiegħa jkunu jistgħu jkabbru l-bankarelli.
3. Il-Gvern offra li jinħatar immedjatament kumitat tekniku ma’ rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-Monti biex jitħejjew pjanijiet tekniċi għas-sit il-ġdid tal-Monti li jissodisfaw il-bżonnijiet kollha ta’ l-operat tal-Monti.
4. Fuq il-bażi ta’ qbil dwar ir-rilokazzjoni permanenti tal-Monti għal wara li jitlestew ix-xogħlijiet, il-Gvern lest ukoll jikkunsidra alternattivi għas-sit temporanju fil-Foss ta’ San Ġakbu għal waqt li jkunu qed isiru dawn ix-xogħlijiet. Dawn l-alternattivi iżda ma jistgħux jinkludu Misraħ il-Ħelsien. Dan għax il-Gvern ma jidhirlux li d-dħul għall-Belt Valletta hu lok xieraq għal suq miftuħ.
5. Il-Gvern offra għalhekk rilokazzjoni temporanja sakemm itulu x-xogħlijiet fil-Foss ta’ San Ġakbu stess iżda fuq in-naħa ta’ Bieb il-Belt, jew qrib Sant’Iermu jew fi Triq il-Merkanti bejn Triq l-Arċisqof u Triq San Kristofru.
Il-bejjiegħa tal-Monti baqgħu jsostnu l-pożizzjoni tagħhom, jiġifieri li l-Monti għandu jkun fi Triq il-Merkanti bejn Triq San Ġwann u Triq it-Teatru l-Antik u li sakemm isiru x-xogħlijiet il-Monti għandu jarma f’Misraħ il-Ħelsien.
Il-Gvern itenni li l-bieb għat-taħdidiet kien, għadu u jibqa’ miftuħ sakemm iżda l-bejjiegħa jifhmu li l-Gvern għandu d-dmir li jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali u biex ikompli jsebbaħ il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en