Imħabbar Master Plan għaċ-Ċittadella t’Għawdex
Is-sit uniku taċ-Ċittadella f’Għawdex ser ikollu Pjan ta’ Konservazzjoni speċifiku li ser ikun il-bażi ta’ kull tip ta’ interventi li jiġu effetwati fil-futur fuq dan il-post storiku. Il-fondi li permezz tagħhom ser jiġi ffinanzjat dan il-Master plan inkisbu dan l-aħħar permezz ta’ l-EEA Financial Mechanisms. Il-Ministeru għal Għawdex għadu kemm waqqaf kumitat biex jieħu ħsieb jifformola t-termini ta’ referenza u joħroġ is-sejħa għall-offerta relatata ma’ studji meħtieġa f’dan ir-rigward.
Il-Master plan jipprovdi linji gwida għal dak li għandu x’jaqsam ma’ użu aħjar u aktar sostenibbli ta’ dan is-sit, il-ħarsien ta’ l-aspett storiku tiegħu flimkien mal-promozzjoni u żvilupp aħjar tal-potenzjal ekonomiku u kulturali. Kull xogħol ta’ restawr jew titjib tal-faċilitajiet eżistenti ser isiru abbażi ta’ dawn il-linji gwida filwaqt li l-immaniġġjar effettiv ta’ dan is-sit, inkluż l-immaniġġjar marbut mat-traffiku, jiġu ndirizzati fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-pjan.
Dan il-proġett tnieda dalgħodu mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-post.
Il-Ministru Debono tkellmet dwar l-importanza taċ-Ċittadella bħala wirt storiku kif ukoll bħala attrazzjoni turistika ta’ Għawdex. Filwaqt li spjegat kif fl-2005 il-Ministeru għal Għawdex kien applika biex dan il-proġett jibbenefika minn fondi ta’ l-EEA Financial Mechanisms, hija ħabbret li fi Frar ġiet approvata għotja minn dan il-fond li tirrappreżenta 85% tal-valur totali ta’ dan il-proġett. Il-proġett kollu kemm hu jinvolvi l-investiment ta’ €301,500.
Il-Ministeru għal Għawdex waqqaf kumitat magħmul minn rappreżentanti li ġejjin mill-istess Ministeru, mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, l-Awtorita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta. Dan il-kumitat huwa bħalissa mpenjat fit-tfassil ta’ termini ta’ referenza meħtieġa biex tinħareġ l-offerta relatata mat-twettieq ta’ l-istudji neċessarji.
Il-Ministru Debono qalet li dan il-proġett jinkludi konsultazzjoni qawwija ma’ dawk kollha li għandhom xi interessi jew huma kkonċernati ma’ dan is-sit sabiex il-ħtiġijiet u bżonnijiet ta’ dan is-sit storiku jitħarsu sa mill-bidu nett ta’ dan il-proġett. L-istudji u l-analiżi ta’ dak li huwa meħtieġ li jitwettaq huma mistennija jitlestew matul is-sena 2009. Sadanittant il-Gvern ser japplika għal fondi addizzjonali mill-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea għal perjodu 2007-2013 sabiex ikun jista’ jiġi ffinanzjat xogħol strutturali estensiv għaċ-Ċittadella.
Il-Ministru Debono semmiet ukoll kif matul l-aħħar snin il-Ministeru għal Għawdex ta aktar attenzjoni partikolari lil dan is-sit storiku, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien ta’ pjanti endemiċi, it-tindif regolari minn ħxejjex li jagħmlu ħsara fis-swar, ir-restawr tar-Ravellin u partijiet oħra fil-qalba taċ-Ċittadella. Iċ-Ċittadella ta’ Għawdex ibbenefikat ukoll minn proġett taħt il-programm ‘Kultura 2000’ li wassal għal dokumentazzjoni grafika ta’ dan is-sit, proġett imwettaq b’kollaborazzjoni bejn Malta, Kreta u Sqallija. Wirja permanenti ta’ dan il-proġett hija esposta fiċ-Ċentru tas-Snajja’ li jinsab fiċ-Ċittadella.
Dan il-Pjan ta’ konservazzjoni ser jagħti ħarsa wiesa’ lejn iċ-Ċittadella filwaqt li jfassal direzzjoni għat-tul dwar passi li għandhom jittieħda, anke permezz ta’ kordinazzjoni bejn il-partijiet konċernati, u li jħallu impatt pożittiv fuq dan is-sit ta’ wirt storiku importanti għall-gżira ta’ Għawdex.
Other Press Releases:
PR261962
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...
PR261961en