Left arrow Go Back

315,561 turist żaru t-Tlett Ibliet fl-2006

PR0674
Date Icon 09/05/2007

“Ċifri miġbura mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta permezz ta’ Market Profile Surveys juru li matul l-2006 315,561 turist, jew 28.1 fil-mija tat-turisti kollha li kienu pajjiżna, żaru it-Tliet Ibliet.” 

Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem waqt Information Seminar bit-tema “Reseau des Centre Historiques Mineurs (RCSM) Project” u t-tnedija ta’ ktieb intitolat “Three Historical Cities” li sar fil-kappella ta’ San Ġwann t’Għuxa, Bormla. Is-seminar ġie organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla. 

Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed jipparteċipa fi proġett ‘Interreg IIIB MEDOCC taħt l-awspiċji ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett beda f’Novembru 2005 u mistenni jintemm f’Ġunju 2007 bl-iskop li tingħata prominenza lil ċentri li għalkemm għandhom potenzjal turistiku għad m’humiex inklużi fir-rotot turistiċi ewlenin. F’dan il-proġett qed jipparteċipaw imsieħba minn  Spanja, Italja, Greċja u l-Portugall. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-riġenerazzjoni tal-Kottonera hi fuq quddiem nett ta’ l-aġenda tal-Gvern. Hu qal li dan jixhdu l-proġetti li qed iwettaq il-Gvern f’dawn l-inħawi. “Il-proġett tal-Kottonera bir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ bini storiku fix-xatt tal-Birgu, il-bini tal-yacht marina, il-bini ta’ appartamenti u l-ftuħ tal-casinò, il-bini ta’ dar għall-Anzjani, l-iSports Complex, l-appartamenti ta’ ħdejn il-Mina ta’ Santa Liena, il-Family Resources Centre, il-ġnien il-ġdid ħdejn il-Mina tal-Polverista, it-twaqqigħ tal-ħajt madwar il-Baċir Numru 1, il-proġetti ta’ restawr ta’ knejjes u bini storiku, it-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ, tad-distribuzzjoni tad-dawl elettriku u l-ilma – dawn huma kollha xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern favur ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.  

Il-Ministru Zammit Dimech tkellem ukoll dwar proġett li qed jitwettaq bħalissa f’Bormla bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta u l-Kunsill Lokali Bormla għat-tisbiħ u r-riabilitazzjoni ta’ wieħed mill-ġonna ewlenin ta’ Bormla, il-Ġnien Santa Margerita. Hu qal li l-proġett għal dan il-ġnien –  f’wieħed mill-ispazji miftuħa l-aktar importanti ta’ Bormla, għaliex qiegħed ħdejn il-bus terminus bejn Bormla u l-Birgu – jinkludi t-tibdil tal-ħajt ta’ barra, pavimentar ġdid u l-kurduni li jdawwru l-inħawi landscaped, sistema ta’ CCTV cameras, dwal ġodda, għamara ġdida tat-toroq u tagħmir għal-logħob tat-tfal  li ser jitqiegħed fil-ġnien. Hu qal li l-proġett jinkludi r-restawr tas-sur li jifforma parti mill-ġnien, kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni, pjanti u siġar ġodda. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett, li hu finanzjat kollu kemm hu mill-MTA, ser jiswa madwar Lm60,000 u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien jemmen li l-Kottonera kellha ħafna x’toffri bħala ċentru storiku u kulturali lejn is-settur turistiku. Hu qal li l-Gvern kien impenjat li jagħmel minn  kollox biex iħajjar aktar turisti biex iżuru t-Tlett Ibliet u biex jaqsmu l-esperjenza storika u kulturali li joffru dawn l-inħawi li inqisuhom bħala l-benniena taċ-ċivilta’ ta’ pajjiżna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li issa li pajjiżna hu membru ta’ l-Unjoni Ewropea, it-tlett ibliet tal-Kottonera kellhom jagħmlu minn kollox biex jisfruttaw programmi bħal Interreg IIIB MEDOCC għall-promozzjoni tagħhom. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ma kellux dubbju li darba t-turist ikun jaf aktar dwar it-Tlett Ibliet Storiċi, li huma marbuta flimkien permezz tas-swar tal-Kottonera, dawn iżuruhom u l-perċentwal ta’ 28 fil-mija mit-turisti kollha li jżuruna jiżdied u jikber. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien jemmen li l-publikazzjoni “Three Historical Centres” kienet ser tikkontribwixxi biex l-ibliet tal-Kottonera jsiru aktar magħrufa. Hu qal li kien ukoll ċert li t-tnedija ta’ web portal kienet tikkontribwixxi bis-sħiħ lejn il-promozzjoni tat-Tlett Ibliet li bejniethom joffru storja li tmur lura eluf ta’ snin.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Il-Ministru Byron Camilleri jirrikonoxxi s-suċċess storiku tat-timijiet Maltin tal-golf fil-Kampjonati Ewropej

PR261962

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Ca...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  Malta brings together 15 startups from 12 countries to advance innovation in circular electronics

PR261961en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow