OPEN DAY FIL-KULLEĠĠ SAN BENEDITTU
Fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ l-Iskola Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop se ssir open day fil-kulleġġ nhar il-Ħadd 7 ta’ Mejju, 2006.
Din l-iskola sekondarja se tkun tifforma parti mill-Kulleġġ San Benedittu li jiġbor fi ħdanu l-iskejjel primarji ta’ l-irħula li jmissu ma’ Ħal-Kirkop, li huma ż-Żurrieq, Ħal-Safi, Mqabba, Qrendi, Ħal-Għaxaq, Gudja u B’Buġia. Permezz ta’ din l-open day, min ser jattendi se jkun jista’ jara mill-qrib ix-xogħol li sar f’din l-iskola u l-faċilitajiet li qed toffri lill-istudenti.
L-open day se tibda fid-9.30 a.m. b’quddiesa fl-iskola stess u tibqa’ sejra sal-5.00 p.m. Matul il-jum se jkunu organizzati diversi attivitajiet socjali, edukattivi, sportivi u rikreattivi għall-familja kollha.
Dawn l-attivitajiet jinkludu treasure hunt, drama, esebizzjoni ta’ vintage cars, wirja imtella’ mit-taqsima tal-klieb tal-Korp tal-Pulizija, wirja ta’ abseiling mill-iscouts, wirja mit-taqsima tat-tifi tan-nar fi ħdan id-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili, logħob tar-rugby kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ bosta kantanti Maltin. Wieħed ikun jista’ jixtri ikel u xorb matul il-jum kollu. Matul l-open day se jkunu qegħdin isiru tours madwar l-iskola kull kwarta.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956