Organizzazzjoni li qed tgħolli l-livell ta’ attivitajiet f’pajjiżna
L-ewwel Festival Internazzjonali ta’ Malta tal-Logħob tan-Nar ġie organizzat b’suċċess bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd, 29 u 30 ta’ April fil-Port il-Kbir. F’dan il-festival ipparteċipaw tliet kmamar tan-nar minn Malta u tnejn barranin. Ipparteċipaw ukoll seba’ kmamar tan-nar oħra lokali li taw wirjiet ta’ logħob tan-nar tradizzjonali Malti u l-Orzella Fireworks ta’ l-Italja li ġabet fit-tmiem, il-festival b’wirja spettakulari piro-mużikali.
Il-wirjiet tal-logħob tan-nar ġew aġġudikati minn panel taħt it-tmexxija ta’ Charles Briffa, tal-Briffa Fireworks Company ta’ Malta. Il-membri l-oħra tal-panel kienu Stolba Romana tal-“Flash Barrandov Special Effects” tar-Repubblika Ċeka; Izaskun Astondoa, mill-“Astondoa Fireworks Company” ta’ Spanja; Viviano Nobile, President ta’ l-Assoċjazzjoni Piroteknika Taljana u Jose Mari Paris, Direttur tal-“Potassium Nitrate & Fireworks Chemical Factory” ta’ Spanja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa tal-Festival, qal li l-iskop wara dan il-Festival kien doppju. Kien qed jiġi organizzat biex jimla vojt bejn il-festi ta’ l-Għid u l-festi li jsiru fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta fejn il-logħob tan-nar ma jonqosx u fejn il-poplu Malti u t-turisti jkollhom għażla x’jaraw. Hu qal li l-iskop l-ieħor kien li niċċelebraw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u għalhekk sew fis-sena li sseħibna, kif ukoll fl-aħħar sentejn, il-festival tal-Logħob tan-Nar sar iċ-ċentru ta’ l-attivitajiet li jfakkru din l-okkażjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kienu kull sena jorganizzaw diversi attivitajiet li jilħqu lill-poplu Malti u lit-turisti li jkunu qed iżuruna. Hu qal li biex ma jkunx hemm ripetizzjoni f’dawn l-attivitajiet twaqqaf Unit ta’ l-Events fil-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura li jieħu ħsieb l-attivitajiet li jkunu organizzati miż-żewġ entitajiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li matul is-sena jiġu organizzati l-“Mediterranean Food Festival”, l-“International Fireworks Festival”, il-“Malta Historic Cities Festival”, l-“In Guardia Parade” u l-“Alarme re-Enactments” u s-“Summer Arts Festival”. Hu qal li matul is-sena l-Orkestra Nazzjonali torganizza diversi kunċerti li qed jikbru fil-popolarita’. Hu qal li dawn l-attivitajiet, flimkien ma’ diversi attivitajiet oħra mis-settur privat li qed iġib f’pajjiżna kantanti u gruppi popolari barranin, qed ipoġġu lil Malta fuq il-mappa tat-turiżmu marbut ma’ l-avvenimenti ta’ l-ogħla kwalità li jinbena fuq esperjenzi li pajjiżi oħra ma jagħtux.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li filwaqt li l-Gvern permezz ta’ diversi awtoritajiet u entitajiet kien se jibqa’ jgħolli l-livell ta’ attivitajiet f’pajjiżna, biex dan iseħħ, kulħadd ried jaħdem flimkien, billi kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni u mhux f’direzzjonijiet opposti.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lir-rebbieħa ta’ dan il-festival internazzjonali filwaqt li rringrazzja lil kull min ħa sehem u lill-organizatturi li mingħajr il-ħidma tagħhom din l-attivita’ internazzjonali ma kenitx titwettaq.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956