TNEDIJA TA' L-IMDINA MASTER PLAN
Il-Belt storika ta' l-Imdina għandha storja li prattikament tkopri kull epoka ta' żminijiet li pajjiżna għadda minnhom. Għaldaqstant inħass il-bżonn li din il-Belt antika jkollha pjan komprensiv li filwaqt li jindirizza l-problemi, joffri soluzzjonijiet li jtejbu l-ambjent uniku ta' l-Imdina. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed jippreżenta l-Master Plan ta' l-Imdina lill-President ta' Malta Dr. Edward Fenech Adami.
It-twaqqif tal-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, Valletta u l-Imdina kien l-ewwel pass sabiex dawn l-ibliet ta' pajjiżna jkunu mħarsa u kull intervent li jsir ikun maħsub u mfassal fuq parametri stabbiliti li jikkumplimentaw ma' l-istorja u l-wirt kulturali li jinsab f'dawn l-ibliet. Il-Ministru fakkar li l-ewwel Master Plan ta' din ix-xorta kien sar fil-Birgu u llum il-Ministeru diġa’ qed jimplementa proġetti li kienu ndirizzati f'dan id-dokument fosthom ir-riabilitazzjoni u l-bini mill-ġdid tat-Torri ta' l-Arloġġ u l-Pjazza. Fl-Imdina anke qabel it-tfassil tal-Master Plan, ukoll kienu saru xi xogħlijiet ta' restawr fosthom il-Bieb tal-Griegi, it-Torri ta' l-Istandardo, il-paviment tal-Palazz ta' Vilhena u l-proġett estensiv ta' l-pavimentar ta' l-Imdina kollha li kien jinkludi l-bdil ta' servizzi u t-tneħħija tal-wires kollha minn mal-bini.
It-tnedija ta' l-Master Plan hi pass ieħor importanti favur il-konservazzjoni ta' l-Imdina. Fost affarijiet oħra l-Master Plan jinkludi studji fuq l-arkitettura ta' l-Imdina, il-wirt storiku li jeżisti fl-Imdina fosthom Kapelli, Knejjes, il-Katidral u d-dawra tal-fortifikazzjonijiet. Il-Ministru tenna li l-Master Plan iħares ukoll lejn l-aspett residenzjali u jindirizza wkoll l-aspett soċjo-ekonomiku. Dan il-Master Plan seta’ jitfassal wara l-istudji li kienu saru fil-passat mill-Universita’, taħt id-direzzjoni tal-Professur De Lucca servew bħala l-pedament li fuqu nbena l-pjan strateġiku.
Abbażi ta' dan il-Master Plan, kompla l-Ministru, il-Gvern se jkollu linji ta' gwida ċari li fuqhom ikun jista jimplimenta d-diversi proġetti ta' restawr, konservazzjoni u riabilitazzjoni ta’ din il-Belt antika li hija wiehed mill-gojjelli ewlenin tal-wirt storiku taghna.
Il-Ministru stqarr li proġetti oħra li se jkunu qed jitwettqu fis-snin li ġejjin se jkunu ffokati l-aktar fuq ir-restawr u l-konservazzjoni tal-monumenti u l-fortifikazzjonijiet. Fil-fatt matul din is-sena se jibda r-restawr tal-Bieb prinċipali u se jitlestew il-pjanijiet sabiex parti mis-sur ta' taħt il-Vilhena tiġi kkonservata. Proġett ieħor li huwa ppjanat għall-Imdina huwa r-restawr u l-konsolidament tas-swar u l-fortifikazzjonijiet ta' l-Imdina. Dan il-proġett tressaq quddiem il-Gvern sabiex ikun ikkunsidrat bħala wieħed mill-proġett ta' finanzjament mill-Fondi Strutturali ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern hu mpenjat bis-sħiħ li l-wirt storiku ta' pajjiżna jingħata d-dehra li tixraqlu u jkun restawrat kif jixraq.
Fl-aħħarnett il-Ministru qal li l-Master Plan se jgħin ukoll u se jkun il-ġustifikazzjoni sabiex l-Imdina tkun fil-lista bħala World Heritage Site, liema titlu jgħin mhux biss lill-Imdina iżda anke lil pajjiżna f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istorja, u li jagħmel lil pajjiżna fuq quddiem nett f’dak li ghandu x’jaqsam mal-konservazzjoni tal-wirt storiku Ewropew.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956