IMNIEDI ‘SOUVENIR MAGAZINE’ DWAR L-EWWEL FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-LOGHOB TAN-NAR
Il-Festival tal-Logħob tan-Nar din is-sena daħal fil-ħames sena tiegħu. Din is-sena wkoll dan il-Festival qed jingħata dehra internazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ tliet soċjetajiet tan-nar Maltin u żewġ kumpaniji tan-nar barranin. Dan għandu jwassal biex ikun hemm kompetizzjoni u allura prodott aqwa minn qatt qabel.
It-tliet kmamar tan-nar Maltin li qegħdin jieħdu parti f’dan il-festival Internazzjonali – il-15 ta’ Awissu tal-Mosta, Santa Marija ta’ l-Imqabba u San Mikiel ta’ Ħal-Lija – iddeċidew li jippubblikaw bejniethom ‘souvenir magazine’ għall-okkażjoni.
Meta nieda dan is-‘souvenir magazine’ il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’pajjiżna għandna ħafna dilettanti tal-logħob tan-nar, persuni li jagħtu ħafna mill-ħin liberu tagħhom għal din id-delizzju. Hu qal li l-logħob tan-nar hu sengħa li ilha nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra għal mijiet ta’ snin. Il-Ministru Zammit Dimech żied igħid li l-Maltin li jaħdmu l-logħob tan-nar mhux talli aġġornaw din is-sengħa biex jikkompetu ma’ dilettanti f’pajjiżi oħra iżda kapaċi jipproduċu anke logħob tan-nar li hu superjuri għal dak ta’ ħafna pajjiżi oħra tant li f’kompetizzjonijiet li fihom jieħdu sehem, dejjem jiksbu riżultati mill-aktar pożitivi li jagħmluhom unur u li jagħmlu unur lil pajjiżna.
“Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar isir immedjatament qabel il-bliet u l-irħula f’pajjiżna jiċċelebraw il-festi tal-qaddisin titulari tagħhom. Iżda minbarra li joffri lill-Maltin u ’l barranin li jkunu fostna togħma ta’ dak li jkunu se jaraw tul ix-xhur kollha tas-sajf, dan il-festival għandu sinifikat ieħor, dak li jfakkar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Din is-sena qed infakkru t-tieni anniversarju tas-sħubija u għalhekk l-isfond internazzjonali ta’ dan il-festival jinkwadra tajjeb fid-diversità li toffri l-Unjoni Ewropea b’25 Stat,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lit-tliet soċjetajiet Maltin li se jieħdu sehem f’dan il-Festival, u li qed jippubblikaw dan is-‘souvenir magazin’, biex mhux biss jagħtuna wirja mill-aqwa ta’ logħob tan-nar iżda biex ukoll jiksbu r-riżultati li lkoll nixtiqulhom.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956