DIRETTIVI TAL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA LILL-PBS
Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura li huwa responsabbli għall-policies dwar ix-xandir għadu kif ta direttivi lill-PBS Ltd dwar kif il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern għas-sena 2006/2007 għandha tintefaq. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qiegħed jagħti dawn id-direttivi għall-ewwel darba u għamel hekk wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, ma’ gruppi differenti u naturalment mal-PBS Ltd.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-għan tad-direttivi huwa li l-pubbliku jieħu l-aħjar servizz mill-flus li joħroġ il-Gvern għax-xandir pubbliku billi dan itejjeb il-livell tal-programmi tiegħu waqt li jibqa’ l-aktar xandar popolari u fdat f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li huwa jagħraf u japprezza l-isforzi kbar li qed isiru mill-Bord tad-Diretturi, mill-Bord Editorjali u mill-Management tal-PBS biex titqiegħed fil-prattika il-missjoni ta’ xandara pubblici minkejja diffikultajiet mhux żgħar. Huwa żied igħid li skond studju li Ernst and Young għamlu għall-Ministeru f’Jannar jirriżulta li l-istazzjonijiet tal-PBS għandhom l-akbar udjenzi u jxandru diversi programmi li l-udjenzi jqisuhom bħala programmi ta’ kwalità għolja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kontribuzzjoni tal-Gvern tmur fuq programmi meqjusa bħala ta’ extended public service obligation. Hu qal li l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir tagħmilha ċara li l-Gvern jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għax dawn il-programmi mhux bilfors li jsibu sostenn finanzjarju mis-suq biex isiru. “Il-kontribuzzjoni tal-Gvern qiegħdha biex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas tas-suq. L-esperjenza wriet li hemm programmi EPSO li jiffinanzjaw lilhom infushom, u li anke jħallu qligħ għall-PBS li jirnexxielha tbiegħ reklami waqt ix-xandir tagħhom u b’hekk issaħħaħ l-infieq fuq il-programmi EPSO. Għalhekk il-kontribuzzjoni tal-Gvern li tlaħħaq għal Lm500,000 għandha titqies f’dan il-kwadru aktar wiesgħa,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-mira tad-direttivi tal-Gvern hija li n-nofs miljun lira li jagħti l-Gvern jinqasmu b’dan il-mod:
Programmi EPSO fuq TVM
o Programmi tat-tfal: Lm 100,000;
o Trasmissjonijiet ta’ ġrajjiet ta’ karattru nazzjonali: Lm85,000;
o Programmi edukattivi, kulturali u ta’ informazzjoni ġenerali: Lm70,000;
o Programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti: Lm70,000;
o Drama: Lm50,000;
o Programmi dwar Għawdex u komunitajiet Maltin barra minn Malta: Lm35,000;
o Programmi reliġjużi: Lm25,000;
o Programmi EPSO fuq l-istazzjonijiet tar-radju: Lm55,000;
Barra minn hekk għall-ewwel darba se jkun hemm fond ta’ kontinġenza ta’ Lm10,000.
“Id-direttivi tal-Ministeru jirriflettu x-xewqat tal-pubbliku espressi fi stħarriġ kummissjunat apposta mill-Ministeru. Dan l-istħarriġ wera li l-pubbliku jixtieq programmi maqluba (dubbed) għall-Malti u aktar programmi barranin. Għalhekk id-direttivi jitolbu żieda f’dan it-tip ta’ programmi. Jissemmew b’mod partikolari miżuri dwar il-programmi tat-tfal li mill-istħarriġ ħareġ li hemm dubbji dwar il-kwalità tagħhom. Fl-istess direttivi l-Ministeru talab li mill-anqas 50 fil-mija tal-programmi fi prime time u seconda serata jkunu programmi li jidħlu fil-kategorija ta’ servizz pubbliku,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Kopja tad-Direttivi tista’ tinkiseb mill-website tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura fuq il-link
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956