Left arrow Go Back

IMFAKKRA L-MILJUNI LI JMUTU JEW IKORRU FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

pr0627
Date Icon 28/04/2006

Il-ġurnata tat-28 ta’ April hija ġurnata li fiha bosta pajjiżi jfakkru l-ħaddiema li tilfu ħajjithom kawża ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. L-iskop ewlieni ta’ din it-tifkira hu li ħaddiema u min iħaddem isiru aktar konxji bit-traġedji li jistgħu jiġru fuq il-post tax-xogħol u bil-ħidma li jenħtieġ issir ħalli jiġu evitati inċidenti u traġedji minħabba nuqqas ta’ ħarsien ta’ ‘standards’ u regolamenti tas-saħħa u l-ħarsien fuq il-postijiet tax-xogħol. Bħala sinjal ta’ din it-tifkira, l-bnadar fuq il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol qed jittajru mezza lasta tul il-jum. 

F’din l-okkazjoni, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea, li huwa responsabbli għall-Awtorita` tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), laqa` delegazzjoni mmexxija mis-Sur Salv Sammut, President ta’ l-Istitut tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-GWU. Is-Sur Salv Sammut fisser lill-Ministru Galea li l-ICFTU fil-Kungress Dinji ta’ l-2004 adottat it-28 ta’ April bħala l-ġurnata internazzjonali ta’ tifkira għall-ħaddiema li mietu jew korrew fuq il-post tax-xogħol. Tul il-laqgħa ġew diskussi diversi aspetti tal-ħidma ta’ l-OHSA u tal-miżuri li huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-ħidma tagħha. 

Figuri ta’ l-ILO u d-WHO  jistmaw li kull sena 1.7 miljun ħaddiema jmutu u 268 miljun inċident  mhux fatali jseħħu fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja. L-istess figuri jikkalkulaw li 4% tal-Prodott Gross Domestiku jintilef minħabba assenzi minn fuq ix-xogħol kawża ta’  korriment, mard, imwiet, disabilità, kura medika u benefiċċji soċjali konnessi mal-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Figuri oħra juru li 36.5 miljun ħaddiema fuq xogħol produttiv, il-biċċa l-kbira minnhom fl-Afrika, għandhom l-HIV, il-mikrobu li jista’ jwassal għall-AIDS. 

Il-Ministru Louis Galea sostna li għalkemm f’Malta sar ħafna progress fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ir-realtà tibqa` turi li fadal ħafna aktar x’isir biex min iħaddem u ħaddiema jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom u jevitaw il-perikli u r-riskji li jwasslu għall-incidenti u traġedji fatali fuq il-postijiet tax-xogħol.  

Il-Ministru Galea fakkar li l-liġi tpoġġi l-akbar responsabbilità fuq spallejn min iħaddem li huma obbligati jassiguraw il-miżuri meħtieġa biex jevitaw ir-riskji u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha favur is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha tagħhom. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow