Left arrow Go Back

JIBDA X-XOGĦOL FUQ L-EWWEL PROĠETT TAT-TOROQ FINANZJAT MILL-FOND TA’ KOEŻJONI

pr0570
Date Icon 12/04/2006

Ftit jiem ilu beda x-xogħol fuq l-ewwel minn tliet proġetti ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq li qed jiġu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Programm ta’ Fond ta’ Koeżjoni għas-snin 2004-2006.

85% tal-ispiża totali biex tinbena mill-ġdid Vjal l-Avjazzjoni Ċivili bejn Ħal Luqa u l-Gudja qed tiġi ffinanzjata mill-Fond ta’ Koeżjoni. It-triq tifforma parti mit-TEN-T network ta’ pajjiżna.

Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol illum wara nofsinhar flimkien mal-Membru tal-Parlament Ewropew, l-Onor. Dr. Simon Busuttil, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li t-titjib ta’ Vjal l-Avjazzjoni Civili għandu valur strateġiku fil-programm tal-Gvern biex jittejbu t-toroq fin-nofsinhar u l-punent ta’ Malta.

“Vjal l-Avjazzjoni Ċivili hija l-ħolqa li tgħaqqad ix-xogħlijiet fuq toroq arterjali li saru fl-aħħar snin f’dawn l-inħawi max-xogħlijiet li saru s-sena l-oħra bil-fondi tal-Protokoll Taljan. Dan ifisser li bit-tlestija ta’ din it-triq u l-aħħar fażi ta’ Triq Ħal Far li wkoll qed tinbena mill-ġdid b’għajnuna mill-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti ser ikun jista’ jgawdi rotta kontinwa ta’ 23.8 kilometri toroq ta’ l-aqwa kwalità li jwassluk minn Birżebbuġa sa’ l-Imġarr u l-Mosta,” qal il-Ministru Mugliett.

Għalkemm hija twila biss 660 metru, Vjal l-Avjazzjoni Ċivili hija wkoll ta’ importanza konsiderevoli anke għall-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna.

“Din it-triq hija x’aktarx l-ewwel triq li jaraw it-turisti li jkunu għadhom kemm waslu Malta u ftit hemm dubju li tħalli l-ewwel impressjoni ta’ pajjiżna fuq dawk li jżuruna. Barra minn hekk, it-titjib ta’ din it-triq jagħmilha possibbli li t-turisti jkunu jistgħu jaslu dritt mill-Ajruport sa’ Buġibba minn fuq toroq li kollha nbnew mill-ġdid skond l-ogħla standards fl-aħħar tliet snin,” żied jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.

It-triq qed tinbena mill-ġdid skond l-istandard Class 1 ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport. Dan ifisser li t-triq ser tkun tiflaħ iġġorr mal-10 miljun vettura tqila tul id-design life tagħha li huwa 25 sena. It-triq qed titwessa ftit biex jinbnew bankini ġodda li jinkludu anke passaġġ għar-roti. Ser jitqiegħdu wkoll mains ta’ l-ilma ġodda. B’kollox il-proġett huwa maħsub li jqum madwar €1.2 miljuni u jieħu madwar sitt xhur biex jitlesta.

B’kollox issa qed isir xogħol fuq erba’ toroq arterjali li qed jiġu finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-bini mill-ġdid ta’ l-aħħar parti ta’ Triq Ħal Far kien beda f’Novembru tas-sena l-oħra, filwaqt li madwar xahrejn ilu beda x-xogħol fuq it-triq li tgħaqqad il-Belt Victoria ma’ San Lawrenz f’Għawdex. Għaddej ukoll ix-xogħol inizjali fuq il-bypass tax-Xemxija. Il-bidu tax-xogħol fuq it-triq li tgħaqqad l-Imġarr ma’ Għajnsielem f’Għawdex huwa biss ftit ġimgħat bogħod filwaqt li bħalissa għaddej il-proċess ta’ aġġudikazzjoni għax-xogħlijiet ta’ tiswija fuq il-Pontijiet ta’ Manwel Dimech fuq Regional Road. Aktar tard ser joħroġ tender ieħor għat-titjib tat-triq bejn il-Belt Victoria u x-Xlendi f’Għawdex.

Il-valur ta’ dawn ix-xogħlijiet kollha jaqbeż is-€26 miljun.

Il-Ministru Mugliett qal li l-Gvern bħalissa wasal fil-fażijiet konklussivi tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar 13-il proġett ta’ titjib ta’ toroq matul it-TEN-T network ta’ Malta, li ser jiġu proposti għal finanzjament mill-Unjoni Ewropea bejn is-snin 2007 u 2013. Fost dawn hemm il-bini mill-ġdid u t-twessiegħ ta’ Vjal il-Kunsill ta’ l-Ewropa u Triq Garibaldi f’Ħal Luqa li jgħaqqdu Vjal l-Avjazzjoni Ċivili mal-Marsa.

“Ix-xogħlijiet fit-toroq li qed jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea huma is-sinsla tal-programm fit-tul li għandu l-Gvern biex jittejbu t-toroq ewlenin ta’ Malta. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina minn fejn konna nsibu l-finanzjament għal proġetti ta’ din l-iskala, b’Malta barra mill-Unjoni Ewropea,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Il-membru tal-Parlament Ewropew l-Onor. Dr. Simon Busuttil qal li t-toroq huma settur ewlieni li jibbenefika direttament mill-Fond ta’ Koeżjoni. Hu qal li l-fatt li Malta kkwalifikat għall-ogħla livell ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea fis-seba’ snin li ġejjin ser jiżgura li pajjiżna jibqa’ jibbenefika minn dan il-Fond.

“Issa nistgħu nibdew naraw kif ser ninvestu it-€805 miljun li ser ikollna allokati għalina bejn is-sena d-dieħla u l-2013. Ta’ min ifaħħar għalhekk il-ħidma tal-Awtorità dwar it-Trasport u l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq li kienu niedew il-pjanijiet għat-13-il proġett propost saħansitra aktar minn sena ilu,” temm jgħid Dr. Busuttil.

Intant, waqt l-istess żjara l-Ministru Mugliett ħabbar titjib fl-iskema ta’ treġija tat-traffiku li qed titħaddem matul l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq Vjal l-Avjazzjoni Ċivili. Dan it-titjib jinkludi l-użu esklussiv ta’ Triq il-Gudja minn vetturi zgħar li jkunu ġejjin minn Vjal il-Kunsill tal-Ewropa.

Is-single lane fuq il-karreġġjata ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili li għadha qed tintuża ser tkun miftuħa biss għall-użu ta’ vetturi tqal, coaches u trasport pubbliku. L-użu ta’ l-istess karreġġjata ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili mit-traffiku ġej min-naħa ta’ l-Ajruport u l-Mini ta’ Ħal Kirkop mhux ser jiġi effettwat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow