ĊENTRU TA’ TAĦRIĠ GĦALL-GĦALLIEMA TAD-DISINN U TEKNOLOĠIJA
Bħala parti mill-programm tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Zghazagh u Mpjiegi, biex is-suġġett tad-Disinn u Teknoloġija (Design and Technology) jidħol fl-iskejjel sekondarji kollha ġie immodernizzat u mgħammar ċentru ta’ taħriġ għall-għalliema u tekniċi li jgħallmu dan is-suġġett fl-iskejjel.
Iċ-Ċentru jinsab fin-Naxxar u jinkludi diversi laboratorji għall-elettronika, metall, injam, plastik, tessuti u ikel. Sas-sajf iċ-Ċentru se jkollu wkoll laboratorju tal-kompjuters u workshop għat-taħriġ tat-tekniċi. Iċ-Ċentru se joffri l-opportunita’ biex għall-ewwel darba isir taħriġ fuq apparat u makkinarju li jaħdem il-plastik. Dan sar possibbli peress li nxtara apparat gdid li bħalu se jkun hemm ukoll fl-iskejjel sekondarji kollha.
Waqt il-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru, il-Ministru qassam ċertifikati lil 78 għalliem li volontarjament attendew kors organizzat mill-Universita’ ta’ Malta li jwassal għal ċertifikazzjoni fit-tagħlim tad-Disinn u t-Teknoloġija. Dawn l-għalliema qabel kienu jgħallmu suġġetti differenti jew sengħa partikolari. Issa se jgħallmu s-suġġett tad-Disinn u Teknoloġija li jinkludi fost oħrajn l-użu ta materjali differenti bħall-injam, metall u plastic, kif ukoll l-elettronika, ikel u tessuti.
Il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-iżvilupp li qed iseħħ fis-suġġett tad-Disinn u t-Teknoloġija li bħalissa qed jiġi mgħallem f’sitt skejjel sekondarji li ġew mgħammra b’laboratorji tat-teknoloġija. Louis Galea qal li aktar ma jkun hemm studenti li jgħażlu dan is-suġġett, aktar ikun hawn żgħażagħ li għandhom bażi wiesgħa u soda biex biha ikomplu l-istudji tagħhom. Louis Galea qal li l-mira hi li l-iskejjel kollha fil-livell sekondarju, inkluż il-Junior Lyceums, jaslu biex joffru dan is-suġġett. Dan għandu jwassal biex anke studenti li jagħżlu linja aktar akkademika ikollhom għarfien teknoloġiku. Il-Ministru qal li l-Gvern qed jagħmel investiment ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri biex l-iskejjel kollha fil-livell sekondarju, bniet u subien, ikunu mgħammra b’laboratorji tat-teknoloġija ta’ kwalita’.
Louis Galea tenna li t-teknoloġija trid tkun fil-qalba tal-Kurrikulu u għalhekk diġa’ qed jiġi pruvat u evalwat programm fl-iskejjel primarji. Filwaqt li diġa’ sar it-taħriġ ta’ għalliema tal-primarji ta’ l-istat dan, is-sajf stess se jsir ukoll taħriġ għall-għalliema ta’ l-iskejjel primarji tal-Knisja u dawk indipendenti. Louis Galea qal li l-Gvern hu kommess li jkompli jippromwovi dan is-suġġett u jagħti l-appoġġ biex il-programm ikompli jissaħħaħ u jinfirex. Hu qal li bħalma s-suġġett tal-kompjuters infirex fl-iskejjel kollha u illum bdejna naħsdu l-frott ta’ dan l-investiment, hekk ukoll l-investiment li qed nagħmlu llum fis-suġġett tad-Disinn u t-Teknoloġija għad irid iħalli hafna frott għall-edukazzjoni u l-ekonomija tagħna.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938