JIBDA X-XOGĦOL FUQ IT-TOROQ LI SER JINBNEW MILL-ĠDID MILL-FONDI TAL-ĦAMES PROTOKOL FINANZJARJU BEJN MALTA U L-ITALJA
Il-Ministru għall-iŻvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett żar ix-xogħol ta’ rikostruzzjoni li qed isir fi Triq Buqana bejn il-limiti tal-Imtarfa u l-Mosta, liema xogħol qed ikun iffinanzjat mill-Ħames Protokol Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
Ir-rikostruzzjoni ta’ din it-triq tagħmel parti mill-ewwel fażi ta’ xogħlijiet fuq l-ewwel minn tliet Lots ta’ toroq li qed jinbnew bit-€30 miljun li ġew allokati għat-toroq mill-Protokol Taljan.
It-triq ingħalqet kompletament għat-traffiku nhar it-Tlieta u x-xogħol inbeda minnufih. Bħal issa qed jinqala’ l-wiċċ tat-triq biex imbgħad ikun jista jibda x-xogħol fuq it-trinek fil-ġnub tat-triq, li minnhom ser jingħaddu s-servizzi. Ix-xogħol fuq din is-sezzjoni tat-triq li qed isir mill-kuntrattur Taljan Ergon Engineering flimkien mas-sub-contractor Malti tiegħu, Polidano Brothers Ltd., mistenni jitlesta fi żmien 24 ġimgħa.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-bidu ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa frott ta’ xhur twal ta’ preparamenti mill-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta, kemm fuq id-diżinn tat-toroq u l-għoti tal-kuntratti, kif ukoll fuq il-pjan għat-treġija tat-traffiku waqt li jkunu qed isiru x-xogħolijiet fuq l-istess toroq. It-traffiku li s-soltu jgħaddi minn Triq il-Buqana qed jgħaddi minn Triq tal-Madonna f’ Ta' Qali.
“Għalkemm huwa importanti li x-xogħol isir sew u jsir fil-ħin, issa qed inħarsu wkoll lejn l-impatt li dan il-proġett ser ikollu fuq dawk li normalment jgħaddu mit-toroq li ser ikunu qed jinqalgħu biex jinbew mill-ġdid fix-xhur li ġejjin. Xi wħud mit-toroq, propju bħal din, ser jingħalqu kompletament u t-traffiku ser jigi ddevjat ghal toroq alternattivi. L-Awtorita’ investiet mal-Lm100,000 fuq xogħol ta’ titjib fuq it-toroq li ser jintużaw b’dan il-mod. Triq Tal-Madonna ingħatat wiċċ ġdid ta’ tarmac biex tkun tista’ tintuża minflok Triq il-Buqana waqt li din tkun magħluqa,” qal il-Ministru Mugliett.
Ix-xogħol fuq Lots 2 u 3 ser jibda fil-jiem li ġejjin fuq partijiet minn Triq l-Imdina mir-roundabout ta’Triq is-Siġġiewi/Triq l-iMdina (limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ) sa Ħal-Qormi ħdejn il-junction ma’ Triq Angelo Borg u mir-roundabout ma’ Triq Ħaż-Żebbuġ (it-triq li minn Ħaż-Żebbuġ tagħti lejn Ħ’Attard) l-isfel lejn il-bieb ta’ De Rohan.
Il-Ministru Mugliett qal li l-proġett tar-rikostruzzjoni tat-toroq ffinanzjat mill-Protokol Taljan inqasam fi tliet partijiet, b’kull parti tmur għand kuntrattur Taljan differenti. Hu qal li l-għażla li l-proġett jinqasam bejn tliet kuntratturi kien pass għaqli biex ikun żgurat li x-xogħol kollu jitlesta fil-ħin, jiġifieri sa tmiem is-sena 2005, hekk kif stipulat mit-termini tal-Protokol. Hu żied jgħid li l-Gvern u l-Awtorita Dwar it-Trasport ta’ Malta ser ikunu qed isegwu l-progress fuq ix-xogħlijiet mill-viċin biex ikun żgurat li dan ma jaqax lura; dan sabiex ma jintilfu ebda fondi mit-Lm12.5 miljuni li hemm allokati għal dan il-proġett.
Il-Ministru żied jgħid li llum jfisser il-bidu ta’ perjodu ta’ xogħol intensiv li jista’ jikkawża xi nkonvenjent għas-sewwieqa f’dawn l-inħawi.
“Jien żgur, iżda, li r-riżultat aħħari fi żmien 18 –il xahar, ser ikun titjib fil-kwalita tal-ħajja tagħna, ta’ dawk li jżuruna u tal-ekonomija ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938