GĦOTI TA’ GĦAJNUNA FINANZJARJA LILL-KAMRA TAN-NEGOZJU GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono, ippreżentat l-għotja finanzjarja annwali lill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex (Gozo Business Chamber). Ic-ċekk ta’ Lm2,500 gie pprezentat lil Dr Michael Caruana, President tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex.
F’kelmtejn ta’ l-okkażjoni, il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex, meta reġa’ ġie mwaqqaf f’Settembru 1998, mill-ewwel ried li jitwaqqfu organizzazzjonijiet li jiġbru fihom l-imsieħba ekonomici u socjali tal-gżira. Kien għalhekk li sa’ l-1999 twaqqfu l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex.
Minn dakinhar ‘l hawn, qalet il-Ministru, dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet urew il-ħtieġa ta’ korpi simili għaliex wettqu diversi inizjattivi filwaqt li pprovdew punt fokali li għaqqad lill-imprendituri Għawdxin. Il-Ministru Debono qalet li l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tat is-sehem importanti tagħha sabiex il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Għawdex jiġu studjati b’iktar dettal u allura jinkiseb pakkett adattat għal Għawdex fin-negozjati ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea.
Issa li Malta, u allura Għawdex, jifformaw parti minn din il-familja ta’ pajjiżi Ewropej, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex kompliet tingħata iktar importanza peress li l-President tagħha huwa membru, bi dritt ta’ vot, fil-Kumitat Reġjonali għall-Proġetti f’Għawdex.
Il-Ministru Debono awgurat ħidma iktar siewja b’riżq Għawdex u l-qasam ekonomiku tiegħu filwaqt li rringrazzjat lill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex għall-interess kontinwu li tieħu fir-rigward tal-gżira.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938