PREMJATI L-AĦJAR STUDENTI TA’ L-MCAST
Minbarra ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni li ssir kull sena fl-MCAST, minn din is-sena il-Kulleġġ, flimkien ma’ diversi kumpaniji, industriji u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, qed jippremjaw lill-istudenti li fis-sena akkademika 2002-2003, urew kapaċita’, impenn, entużjazmu u sens ta’ tmexxija.
Il-premijiet jinkludu premju għal kull suġġett li jiġi mgħallem u li jingħataw minn kumpaniji u industriji Maltin, kif ukoll tlett premjijiet li jingħataw lil studenti minn sitt istituti ta’ l-MCAST. It-Tliet premijiet huma:
- l-Premju tal-Prinċipal għal min ikun għamel ħiltu l-aktar,
- il-premju tal-President għal min ikun wera ħiliet ta’ mexxej, u
- l-Premju tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol għal min ikun kiseb l-aħjar riżultati matul is-sena.
(Lista ta’ l-istudenti li ħadu l-premijiet hi annessa)
Waqt l-għoti tal premijiet, il-Ministru Louis Galea qal li dawn il-premjijiet filwaqt li jkomplu jagħtu lill-istudenti inċentiv biex jaħdmu aktar, jenfasizzaw l-importanza u l-bżonn tar-rabta bejn il-kulleġġ u d-dinja tax-xogħol. Hu qal li hu ta’ sodisfazzjon kemm għaliħ u għall-Kulleġġ kif ukoll għall-istudenti li diversi kumpaniji u industriji jieħdu interess fl-edukazzjoni vokazzjonali. Il-Ministru tenna li hemm bżonn li l-industrija tkompli tagħti l-appoġġ tagħha u anzi li jkun hemm aktar kumpaniji u industriji li jieħdu sehem attiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ dawk li eventwalment se jkunu l-ħaddiema u l-impjegati tagħhom.
Louis Galea irrefera għall-iżviluppi li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol u qal li l-pajjizi ta’ l-Unjoni Ewropeja qed jaħdmu biex flimkien iwettqu politika ta’ tkattir tax-xogħol biex l-Ewropa tkompli tikber u tistagħna. Il-Ministru qal li fost affarijiet oħrajn il-Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi li qed iħejji l-Gvern Malti, se jkun qed jindirizza t-tagħlim fil-livell post-sekondarju u terzjaru għaż-żgħażagħ, kif ukoll it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ l-adulti.
Louis Galea sostna li l-MCAST hu pass importanti fil-qasam vokazzjonali u kompla jżid l-ammont ta’ studenti li jkomplu jistudjaw fil-livell post-sekondarju. “Irridu nkomplu naħdmu biex il-popolazzjoni ta’ studenti li jkomplu l-istudji tagħhom f’livelli ogħla jibqa jiżdied u nilħqu livelli Ewropej. Irridu nkomplu noffru aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna. Irridu naraw li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu billi jkun hemm firxa wiesgħa ta’ suġġetti u livelli li wieħed jista jikseb. Irridu fuq kollox noffru Edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalita’ għax il-futur ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi l-aktar minn kemm se jkollna nies imħarrġa, kapaċi u kompettitivi.”
Il-Ministru qal li l-Gvern jemmen li l-MCAST kien u għadu investiment għaqli fil-qasam edukattiv għal pajjiżna. Hu semma li f’dawn l-aħħar xhur sar u qed isir investiment kapitali biex l-istudenti u l-istaff ikollhom aktar riżorsi u faċilitajiet aktar attrezzati.
Louis Galea temm jawgura lill-istudenti li ġew premjati l-aqwa suċċess għall-futur tagħhom kemm jekk fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fl-istudji tagħhom.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938