DISKORS MILL-ONOR. ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREZENTANTI FL-OKKAZJONI TAC-CERIMONJA TAS-SETTE GIUGNO - IL-BELT VALLETTA
Sena wara l-oħra niċċelebraw flimkien il-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno. Huwa tajjeb li nibqgħu niftakru f’dawn l-avvenimenti għad li pajjiżna ra bidliet kbar mill-1919 meta dawn ġraw. Irridu nibqgħu niftakru u nfakkru dak li ġara ħamsa u tmenin sena ilu meta tliet Maltin u Għawdxi għamlu s-sagrifiċċju estrem f’ġieħ pajjiżhom.
It-tifkira tas-Sette Giugno mhix xi tifkira li tqanqal fina sentimenti ta’ rabja u tat-tpattija. Is-snin igerrbu u dak li konna nqisuh bħala l-oppressur illum sar seħibna u mhux talli għandna miegħu relazzjonijiet ta’ ħbiberija iżda huwa wkoll sieħeb indaqs tagħna, bħal ma huma n-nazzjonijiet li fl-aħħar gwerra kienu fuq in-naħa l-oħra. It-tifkira ta’ kull sena hija ta’ tifsira għalina għaliex turina d-dedikazzjoni, il-qlubija u s-sagrifiċċju ta’ ħafna minn missirijietna biex pajjiżna jottjeni dak li ħaqqu politikament u soċjalment. Jekk nieqfu li nfakkruhom dawn l-avvenimenti inkunu qegħdin niżvalutaw il-kisba kbira tal-protagonisti tagħhom.
Ta’ min ifakkar ukoll illi dak kollu li nkiseb matul is-snin mis-Sette Giugno ’l hawn huwa msejjes fuq dawn l-avvenimenti glorjużi. Għalhekk irridu nħarsu lejn l-istorja mdemmija tas-Sette Giugno bħala l-bażi, il-pedament tal-mixja kostituzzjonali ta’ pajjiżna. Il-kisbiet li ġew wara, għad li ħadu ż-żmien biex saru, jafu t-tnissil tagħhom minnu. Irridu niftakru li l-qagħda xejn sabiħa kemm politika kif ukoll soċjali li l-Maltin kienu fiha dak iż-żmien kienet dik li xprunat lill-poplu biex iqum. Għalhekk din tal-lum hija festa nazzjonali li tfakkar mhux biss is-sagrifiċċju ta’ erba’ Maltin bħalna iżda wkoll l-evoluzzjoni politika nazzjonali li wasslet għall-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Kemm tbiddlu ż-żminijiet mill-1919! F’dawn il-ħamsa u tmenin sena pajjiżna għadda minn għawġ u minn kisbiet. Effett immedjat tas-Sette Giugno kien il-kisba ta’ gvern awtonomu ta’ l-1921. Wara diversi gvernijiet, sofrejna s-sospensjoni tal-kostituzzjoni peress illi din ma kinitx tagħti awtonomija perpetwa. Imbagħad il-pajjiż tkisser bil-gwerra u reġgħet ġiet mogħtija kostituzzjoni oħra lil Malta li biż-żmien reġgħet ukoll ġiet irtirata sakemm fl-aħħar, 40 sena ilu, ksibna l-Indipendenza. Malta ħadet rajha f’idejha u ħadet ukoll ir-ruħ. Għaxar snin wara, jiġifieri 30 sena ilu, sirna Repubblika u ftit tas-snin wara ntemmet il-preżenza militari. Illum b’għażla libera sirna membri tal-Unjoni Ewropea. Verament ġirja kostituzzjonali li tħallik bla nifs. Iżda dan kollu ma sarx mingħajr sagrifiċċju, kultant tassew kbir. Kemm minn fostna l-Maltin matul dawn is-snin hekk importanti sofrew tbatija, persekuzzjoni, eżilju u anke bħal każ tas-Sette Giugno saħansitra l-mewt. Is-sagrifiċċju ta’ dawn kollha serva biex tinbena ftit ftit il-kisba aħħarija tal-ħelsien.
Il-liberta, il-livell ta’ għajxien, il-vot ħieles huma xi ftit mill-benefiċċji li ggwadanjajna matul daż-żmien. Jekk nieħdu biss il-vot ħieles, ta’ min ifakkar li fi żmien relattivament qasir ta’ ħmistax-il xahar il-poplu Malti ikun mar jivvota tliet darbiet u żewġ terzi minnu erba’ darbiet. Il-konsultazzjoni elettorali hija, u tibqa’, l-espressjoni l-iktar għolja tad-demokrazija.
Hija ħaġa xierqa li l-Parlament Malti jkun protagonist tat-tifkira tas-Sette Giugno għaliex, kif kelli okkażjoni ngħid f’dawn l-aħħar snin, kienu dawk il-ġrajjiet demmija li taw bidu għall-avvenimenti li nisslu l-ewwel Assemblea Leġislattiva Maltija li kienet l-oriġini tal-Parlament tagħna. Id-demokrazija parlamentari tagħna hija kisba prezzjuża li jagħmel tajjeb il-poplu Malti li jgħożżha. Il-vot ħieles u konsultazzjoni elettorali jagħtu lill-poplu l-okkażjoni biex jikkonferma l-gvern tal-ġurnata jew jibdlu skond ix-xewqa xierqa tiegħu kif espressa permezz ta’ maġġoranza ta’ voti.
Illum li qed ngħixu f’dinja globalizzata li għarfet is-sinifikat tal-multilateraliżmu, nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet fuq l-importanza tad-dimensjoni parlamentari, kemm fuq bazi lokali u kemm fuq dik internazzjonali.
Qabel xejn inħoss il-ħtieġa li ngħid, biex kulhadd jifhem, b’mod partikulari ċ-ċittadin komuni, illi l-Parlament huwa istituzzjoni unika u distinta, u mhux xi dipartiment ieħor ta’ l-amministrazzjoni tal-ġurnata. Hawn min jaħseb li l-Gvern u l-Parlament huma l-istess ħaġa. L-oppost hija l-verita. Infatti, il-liġijiet ma jagħmilhomx il-gvern, imma jagħmluhom ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament, gvern u oppozizzjoni. Dan l-aspett irridu nifmuh u nsaħħuh, aktar u aktar issa li aħna membri fl-Unjoni Ewropea fejn irridu naħdmu biex inkomplu nsaħħu r-rwol tal-parlamenti nazzjonali.
Għalhekk inħoss li llum b’saħħa iżjed minn qabel nerġa’ nirriaferma l-ħtiega urġenti li l-istituzzjoni parlamentari tagħna ssegwi bla iżjed telf ta’ żmien, il-passi ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman u dak ta’ l-Awditur Ġenerali. Infakkar li meta l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali bdew jitqiesu bħala Uffiċjali tal-Parlament, akkwistaw l-awtonomija sħiħa fl-amministrazzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet mmexxija minnhom. Hekk ukoll għandu jiġri fl-amministrazzjoni tal-Parlament Malti.
Għal darb’oħra matul dawn l-aħħar snin, nieħu l-okkażjoni ta’ l-anniversarju tas-Sette Giugno u nerġa’ nagħmel l-appell tiegħi wara dawk magħmula mill-predeċessuri tiegħi, jiġifieri Mr Speaker Gonzi u Madam Speaker Spiteri Debono, sabiex l-amministrazzjoni tal-Parlament tinħall minn dik ta’ l-Eżekuttiv u titlaq għal rasha bħal Parlamenti stabbiliti oħra.
Fost affarijiet oħra, il-Parlament tagħna jrid fix-xhur li ġejjin jadatta ruħu biex ilaħħaq mal-kwantita kbira ta’ dokumentazzjoni li se tkun gejja mill-Unjoni Ewropea. Id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea jiġu magħġuna f’istituzzjonijiet ta’ l-istess Unjoni. Il-Parlament Malti jrid jgħarbel dawn id-direttivi, biex imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji u li jkunu ta’ ġid għall-poplu Malti.
Huwa għalhekk li qed insaħħu l-istrutturi parlamentari tagħna, partikolarment fejn jirrigwarda l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej. Qed nibnu, b’koperazzjoni ma’ Parlamenti oħrajn, struttura ta’ skrutinju li tkun f’pożizzjoni li tgħarbel id-dokumentazzjoni kollha li tiġi mill-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar il-Parlament impjega miegħu l-ewwel minn grupp ta’ research analysts li se jipprovdu l-għajnuna meħtiega biex il-Kumitat Permanenti tal-Kamra jkun jista’ jaħdem b’aktar effiċjenza.
Hawnhekk irrid insemmi wkoll l-uffiċċji li ħloqna għall-Presidenti tal-Kumitati Permanenti tal-Kamra fl-ispazju li qabel kien jakkomoda d-Direttorat ta’ l-Unjoni Ewropea; u nsemmi wkoll l-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ Committee Clerks biex inkomplu nsaħħu dawn il-Kumitati li l-funzjoni tajba tagħhom hija indispensabbli għall-aħjar andament tal-Parlament Malti. U hawnhekk nappella għall-ikbar impenn mill-Membri tal-Parlament fix-xogħol parlamentari tagħhom, inkluż fix-xogħol tal-Kumitati tal-Kamra.
Id-diplomazija parlamentari saret waħda mill-għodod effettivi fix-xena politika internazzjonali. Huwa għalhekk illi l-Parlament Malti kif ukoll l-Uffiċċju tiegħi qiegħed kulma jmur jinvolvi ruħu f’dan il-qasam. Hawn insemmi illi kien ta’ unur li b’suċċess laqqajna f’Malta fi Frar illi għadda, ir-raba’ Konferenza ta’ l-iSpeakers tar-reġjun Ewro Mediterranju biex imbaghad f’Marzu l-Parlament Malti kien rappreżentat fl-ewwel laqgħa ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Euromed.
Il-Parlament Malti qed jagħti wkoll importanza lid-dimensjoni Mediterranja billi fil-laqgħat ta’ l-Unjoni Interparlamentari d-delegazzjoni Maltija qed tkompli tisħaq fuq l-inizjattiva tagħha li titwaqqaf Assemblea Parlamentari għall-pajjizi tal-Mediterran. Hemm fora oħra, bħall-Konferenza ta’ l-iSpeakers ta’ l-Unjoni Ewropea, illi l-Parlament Malti jipparteċipa fihom u fejn jista’ jagħti kontribut validu lejn rikonnoximent aħjar tad-dimensjoni Mediterranja fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan barra l-laqghat l-oħra kollha li delegazzjonijiet parlamentari Maltin jattendu u jipparteċipaw fihom bl-aktar mod attiv.
Illum qed niċċelebraw il-festa tas-Sette Giugno meta għall-ewwel darba qegħdin nagħmlu hekk bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, magħna, mal-65 Parlamentari Malti, se jkunu qed jiċċelebraw dan l-avveniment il-ħames membri Maltin tal-Parlament Ewropew li l-elettorat se jtella’ ftit jiem oħra. Minn hawnhekk nieħu l-okkażjoni sabiex pubblikament nirringrazzja lil dawk il-Membri Parlamentari li tul din l-aħħar sena qdew dmirhom l-ewwel bħala Osservaturi fil-Parlament Ewropew u issa bħala Membri. Il-Membri li se jiġu eletti biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew, għad li ma jkunux membri tal-Parlament Malti, huma l-eredi ta’ l-evoluzzjoni politika twila li rat l-oriġini tagħha mill-avvenimenti tas-Sette Giugno.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937