IL-GVERN INVESTA LM64 MILJUN FIL-WIRT STORIKU U KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
Meta inawgura l-progett ta’ restawr tal-faccata tal-Palazz ta’ l-Inkwizitur, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li għalkemm qatt m’hu biżżejjed, l-investiment li sar f’dawn l-aħħar 16-il sena fil-wirt nazzjonali tagħna hu impressjonanti.
Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li fl-1988 kien hemm nefqa rikorrenti u kapitali ta’ miljun lira għall-mużewijiet, l-arti u l-kultura, in-nefqa telgħet b’erba’ darbiet u nofs aktar is-sena l-oħra. Mill-1988 inbniet l-infrastruttura biex inkunu nistgħu nħarsu l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna billi
· Twaqqfu l-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina.
· Twaqqaf il-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
· Twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bejn l-1988 u l-aħħar tas-sena l-oħra
§ Il-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni nvestew Lm7.5 miljun f’diversi proġetti mxerrda mas-sitt ibliet mdawwra bis-swar ta’ Malta .
§ Il-Unit tar-Restawr investa aktar minn Lm3 miljun f’iżjed minn 100 proġett ta’ restawr.
§ Kienu investiti Lm2.9 miljun f’xogħol ta’ rikostruzzjoni u restawr taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
§ Kienu investiti Lm4.6 miljun biex ġie restawrat u riabilitat il-Kavalier ta’ San Ġakbu li nbidel f’Ċentru ta’ Kreattivita’.
§ Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr investa Lm3.1 miljun f’ċentru li hu ta’ kontribut kbir biex nikkonservaw il-patrimonju stroriku, artistiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn it-Lm21-il miljun huma kollha investiment ġdid fil-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna li seħħ bħala riżultat ta’ ħolqien ta’ strutturi li qed jikkontribwixxu bis-sħiħ biex inħarsu u nsaħħu l-patrimonju ta’ pajjiżna.
Ma’ dan l-investiment irridu ngħoddu wkoll il-flus li l-Gvern jivvota kull sena għall-mużewijiet, il-kultura u l-arti. Hu qal li bejn l-1988 u l-2003 intefqu madwar Lm43 miljun biex il-mużewijiet, il-kultura u l-arti setgħu jkunu amministrati tajjeb, u biex seta’ jsir investiment biex jitjiebu l-faċilitajiet fihom.
Illum wieħed jista’ jżid ukoll il-flus li jkun mogħtija minn entitajiet bħall-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fuq proġetti bħal tal-lejla, u dawn il-flus huma b’żieda ma’ allokazzjonijiet oħra fil-Budget li diġa semma.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li qed jagħti din l-informazzjoni għaliex hemm min ried jagħti l-impressjoni kompletament żbaljata, li l-Gvern kien qed inaqqas l-investiment tiegħu fil-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li mhux talli l-Gvern ma naqqasx il-fondi lill-Heritage Malta, iżda ġew miżjuda fuq tas-sena l-oħra b’Lm460,000. Hu fakkar li fil-budget ta’ din is-sena hemm Lm4.4 miljun ivvutati għal programmi u inizjattivi relatati mal-kultura, għal kontribuzzjonijiet mill-Gvern lejn entitajiet marbuta mal-kultura u għal investiment kapitali għal proġetti kulturali. Flimkien ma’ dawn il-flus hemm aktar minn miljun lira oħra ivvutati għal proġetti ta’ riabilitazzjoni u ta’ restawr ta’ fortifikazzjonijiet, fortizzi u bini storiku. Francis Zammit Dimech qal li dan kollu juri l-impenn tal-Gvern favur il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru ghat-Turizmu u l-Kultura qal li barra minn dawn l-istrutturi l-Gvern qed jesiġi li f’kuntratti għall-proġetti kapitali ta’ natura urbana, fejn bħala parti mill-proġett ikun hemm bini storiku, dan ikun irid jiġi restawrat mill-operaturi tal-proġett. Hu qal li permezz ta’ klawsoli bħal din diġa ġew investiti miljuni ta’ liri fi proġetti ta’ restawr bħala parti mill-proġetti tal-Kottonera, ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-Cruise Liner Passenger Terminal.
Hu qal li fil-Kottonera kien restawrat il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni u l-Imħażen ta’ Caraffa. F’Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne nħattet il-faċċata tal-Clock Tower u l-Kwartieri ta’ l-Uffiċjali li issa nbnew mill-ġdid faċċata ta’ fejn qed tinbena l-pjazza, kienet restawrata s-St. Luke Garrison Chapel,u qed ikunu restawrati s-swar u l-bini li jdur madwar il-pjazza f’Manoel Island. Bħala parti mill-proġett għall-Cruise Liner Passenger Terminal diġa kienu restawrati l-faċċati ta’ l-Imħażen ta’ Pinto u Forni, filwaqt li parti mill-faċċata li kienet imwaqqa’ ttellgħet mill-ġdid.
Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor ta’ restawr u riabiliazzjoni qed isir mis-settur privat u mill-volontarjat, jew bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat. Hu qal li r-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur jidħol fl-aħħar kategorija ta’ proġetti għaliex hawnhekk għandna proġett bi sħab bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, li ħarġet il-fondi neċessarji u l-Unit għar-Restawr li pprovda n-nies esperti biex dan il-proġett seta’ jiġi attwat.
Il-Ministru qal li llejla kien qed jigi inawgurat il-proġett ta’ restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur. Hu qal li l-faċċata ta’ dan il-Palazz dejjem ingħatat importanza. Meta f’nofs is-Seklu 16 il-bini kollu f’dan il-blokk ġie akkwistat biex il-Palazz jokkupa l-blokk kollu, intalab permess biex ikun hemm faċċata ġdida u meta x-xogħol beda, l-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur kienet f’fomm ħafna nies minħabba li kellha poter simboliku qawwi peress illi fl-istorja kienet taghti dik id-dehra li l-Inkwiżitur ried jipproġetta għalih innifsu u għall-Inkwiżizjoni.
Bil-koperazzjoni bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, Heritage Malta u l-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, il-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur issa ngħatat d-dehra glorjuża li kellha biex titgawda mir-residenti tal-Birgu, mill-Maltin u mill-eluf ta’ turisti li qed iżuru din il-belt storika ta’ pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull minn ta sehemhu biex dan il-proġett seta’ jsir realta’. Hu qal li l-Birgu qed jerġa’ jingħata d-dehra li kellu fis-snin l-imgħoddija u li dan kien jawgura tajjeb għall-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna li kienu intrinsikament marbuta ma’ l-ibliet qodma u mdawwra bis-swar ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937