Left arrow Go Back

IMPENJI TAL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI, ZGHAZAGH U IMPJIEGI

PR952
Date Icon 04/06/2004

- Inawgurata Kamra tal-Qari Ġdida  fl-Iskola Primarja B ta’ Raħal Ġdid

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Mpjiegi, l-Onor. Louis Galea inawgura uffiċjalment librerija ġdida fl-Iskola Primarja B “Ġużeppi Agius” f’Raħal Ġdid. Din il-librerija saret b’inizjattiva li ħadet l-iskola, bl-għajnuna tal-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Kunsill Skolastiku u l-Kunsill Lokali.

Fid-diskors tiegħu Louis Galea qal “għalkemm il-qari huwa mportanti fl-edukazzjoni, wieħed m’għandux jieqaf hemm. Il-qari hu importanti għaliex jgħin lit-tfal ikunu aktar kreattivi u dan iridu jutilizzawh fix-xogħol tagħhom ta’ l-iskola”.

Il-Librerija hi għodda mportanti għall-iżvilupp mentali tat-tfal għaliex toħloq opportunijiet ġodda ta’ tagħlim, ta’ ħolqien kreattiv, u ta’ nkoraġġiment għall-ħolm tat-tfal. Din il-librerija toffri ambjent differenti fejn l-għalliema u t-tfal imorru biex joħolqu l-istejjer u jaqraw.  

Il-Ministru Galea ippreżenta sett ta’ kotba lill-iskola f’din l-okkażjoni. Il-librerija tbierket mill-Kappillan ta’ Raħal Ġdid, il-Wisq Reverendu Dun Noel Vassallo. Wara, l-istudenti ta’ l-iskola qraw u animaw l-istejjer permezz ta’ puppet show.

- Ktieb ta’ drammi ġdid ta’ Joe Friggieri

Il-Prof. Joe Friggieri ippreżenta 10 kopji tal-ktieb “It-tulipan l-iswed u drammi oħra qosra għat-tfal u ż-żgħażagħ”  lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żagħżagħ, u Mpjiegi,  biex ikunu jistgħu jitqassmu fl-iskejjel.  

Il-ktieb jikkonsisti fi 18-il dramm bil-Malti li huma kollha mmirati lejn iż-żgħażagħ u studenti. Permezz ta’ dan il-ktieb, il-Prof. Friggieri iħoss li qed “jimtela vojt li ilu jinħass ħafna fejn tidħol l-attività drammatika. Is-suġġetti jinteressaw mill-qrib liż-żgħażagħ, għaliex huma sitwazzjonijiet li jixbhu lil dawk li jsibu ruħhom fihom kuljum, bi djalogu li jsegwi r-ritmu naturali ta’ kif jitkellmu huma u b’karattri li jistgħu jidentifikaw magħhom fil-pront.”

 Id-drammi li fih dan il-ktieb, li huwa mimli illustrazzjonijiet bil-kulur, kollha nħadmu diġà. Għalhekk m’hiex ħaġa iebsa li jinħadmu fl-iskejjel ukoll. Il-Ministru Galea qal li “dan il-ktieb ser ikun ta’ għajnuna u ta’ spinta fl-attività drammatika fl-iskejjel. Id-drama hi ta’ importanza fl-edukazzjoni għaliex tgħallem lill-istudenti jkunu aktar kreattivi u jużaw mezzi differenti biex jesprimu ruħhom.” Il-Ministru Galea irringrazzja lil Prof. Joe Friggieri ta’ din l-inizjattivà u rringrazzja wkoll lill-pubblikaturi, l-Progress Press.

 Dr. Austin Bencini, Direttur tal-kumpanija Progress Press li kien ukoll preżenti, wera x-xewqa li l-kumpanija  tkompli tippubblika aktar kotba bil-Malti. “Dan hu l-ewwel ktieb bil-Malti li ppubblikat il-Progress Press, u nħossuna ferm kuntenti u kburin illi l-ewwel pubblikazzjoni tagħna bil-Malti hija ta’ awtur ta’ kalibru tant għoli u tant intiż fil-kamp letterarju Malti.”

- Żjara fil-Polonja minn studenti speċjali

Grupp ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali mill-iskola Guardian Angel ser jagħmlu żjara fil-Polonja fil-jiem li ġejjin.  L-istess studenti, flimkien ma’ l-għalliema tagħhom għamlu żjara ta’ kortesija lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi Louis Galea biex juruh xi xogħol maħdum mill-istudenti stess u li se jippreżentaw lil studenti oħrajn Pollakki.

 Il-Ministru Galea, filwaqt li awguralhom qal “li din hi opportunità u inizjattiva ferm tajba għaliex ser tagħti ċans lil dawn l-istudenti jaraw u jżuru postijiet uniċi barra minn xtutna.”

 Dr Galea ta wkoll sett ta’ CDs ta’ Carmine Lauri, il-vjolinist Malti ta’ fama internazzjonali lid-delegazzjoni li żaritu, biex ikunu jistgħu jippreżentawhom fil-Polonja bħala turija tat-talent Malti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow