Left arrow Go Back

IFFIRMATI L-KUNTRATTI TA’ XOGĦOL FINANZJAT MILL-5 PROTOKOL FINANZJARJU BEJN MALTA U L-ITALJA GĦALL-BINI MILL-ĠDID TA’ TOROQ ARTERJAL

PR931
Date Icon 01/06/2004

L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta illum wara nofsinhar iffirmat kuntratti ma’ tliet kumpanniji Taljani li ser ikunu qegħdin jibnu mill-ġdid numru ta’ toroq arterjali madwar Malta, liema xogħol ser ikun iffinanzjat mill-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.

€30 miljun jew Lm12.5 miljuni gew allokati għal dan ix-xogħol, li irid jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Il-Protokol fil-fatt jitlob li dawn ix-xogħlijiet ikunu invoiced sa tmiem is-sena finanzjarja Taljana, jiġifieri sa tmiem Settembru 2005.

Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq inqasmu fi tliet lots, b’kull wieħed imur għand kuntrattur Taljan skond kif stipulat fit-termini tal-Protokol. Il-‘lots’ huma magħmulin kif ġej:

Lot 1

  • Minn Tarġa Gap lejn il-junction Tal-Qlejja, lejn il-junction tal-Imtarfa

Lot 2

  • Mill-junction tal-Imtarfa lejn il-junction ta’ Bieb De Rohan, Żebbug lejn is-Siġġiewi

Lot 3

  • Mill-junction tas-Siġġiewi tul Triq l-Imdina lejn Ħal Qormi
  • Minn Triq Ħal Luqa, Qormi lejn Triq Ħal Qormi Luqa (tgħaddi mill-junction ta’ Ħal Farruġ lejn il-junction tal-Cargo Terminal)

Il-kuntratti li ġew iffirmati llum jagħtu lok li jiżdiedu xogħlijiet oħra fuq toroq oħrajn minbarra dawk imsemmija.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor Jesmond Mugliett, waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel l-iffirmar tal-kuntratti, qal li l-bidu tax-xogħlijiet fuq dawn it-toroq huwa żvilupp kruċjali fit-titjib tat-toroq ta’ pajjiżna.

"Dawn it-toroq ser jinbnew skond l-għola standards u t-twettiq ta’ dan ix-xogħol ser iġib miegħu importazzjoni ta’ teknoloġija li minnha ser tibbenefika l-industrija lokali tal-kostruzzjoni tat-toroq. Parti mill-materjal li ser jintuża fir-rikostruzzjoni ta’ dawn it-toroq, bħaż-żrar li jintuża fit-tarmak, ser jiġi mpurtat mill-Italja. Dan iż-żrar ta’ kwalita għolja ser jiżgura li dawn it-toroq ikollhom wiċċ li ma jiżloqx,” kompla jgħid il-Ministru Mugliett.

Hu qal li l-fondi ġejjin mill-Protokol Finanzjarju Taljan, il-Fondi Stutturali u dawk ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropeja flimkien ma’ l-allokazzjoni ta’ fondi oħra mill-Gvern qed jippreżentaw opportunita’ unika biex l-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex tkun tista’ tittejjeb b’mod konsiderevoli fis-sentejn li ġejjin.

Il-Ministru Mugliett temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Gvern Taljan għal din l-għajnuna finanzjarja li bla dubju ta’ xejn, ser tgħin lil pajjiżna jagħmel qabża fil-kwalita’ f’dan il-qasam.

Il-kumpanniji Taljani li ntgħażlu biex iwettqu dawn ix-xogħlijiet huma:

  • Ergon Engineering,
  • F.lli Anastasi Snc u
  • F.lli Basillotta Srl.

Dawn ser ikunu qed jagħmlu xogħol ta’ mmaniġġar u superviżjoni fuq dawn ix-xogħlijiet. Tnejn minn dawn, Ergon Engineering u F.lli Anastasi Snc., impjegaw lil Polidano Brothers Ltd. u Asfaltar Co. Ltd., rispettivament bħala sub-contractors. It-tielet kuntrattur, F.lli Basillotta Srl ser ikun qed jimpjega ħaddiema Maltin direttament.

Bħalissa, l-kuntratturi għaddejjin bil-mobilitazzjoni tal-apparat u ħaddiema biex ix-xogħol ikun jista’ jibda mill-aktar fis possibbli. Hu mistenni li x-xogħol fuq tnejn minn dawn il-lots jinbeda qabel nofs dan ix-xahar.

Minħabba li ser ikun għaddej xogħol fuq it-tliet lots, li huma fl-istess ħin, l-Awtorita Dwar it-Trasport ta’ Malta qed tikkordina l-programm tax-xogħlijiet tal-kuntratturi anke għall-finijiet ta’ treġija tat-traffiku, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. Barra minn hekk, l-ADT ħejjiet ukoll pjan ta’ treġija tat-traffiku li ser jiġi implimentat waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.

L-Awtorita għadha kemm temmet ix-xogħlijiet ta’ għoti ta’ tarmac fuq numru ta’ toroq li ser jintużaw biex jiddawwar it-traffiku meta tingħalaq xi arterja biex din tinbena mill-ġdid. Il-pubbliku ser ikun imwissi qabel ma jingħalqu t-toroq imsemmija u jkun avżat dwar liema toroq alternattivi jista’ juża.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow