IL-KAPIJIET TA’ L-ISPTARIJIET TA’ L-UNJONI EWROPEA JILTAQGĦU F’MALTA
Matul l-ewwel ġranet ta’ Ġunju 2004 ser titlaqqa’ f’Malta l-Assemblea Plenarja tal-HOPE – il-Kumitat Permanenti ta’ l-Isptarijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-programm tal-attivitajiet qed jiġi koordinat mid-delegazzjoni Maltija għal HOPE, mmexxija minn Dr. John M. Cachia, Kap tad-Delegazzjoni Maltija u li hija taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta’ l-Isptarijiet fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’.
HOPE tirrapprezenta b’mod ħaj kif jitħaddem il-proċess ta’ konsultazzjoni fl-Unjoni Ewropea, liema proċess iwassal biex jissawru policies li eventwalment jissarrfu f’direttivi u regolamenti li japplikaw fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. HOPE iġġib flimkien dipartimenti responsabbli mill-isptarijiet fil-ministeri tas-saħħa Ewropej, assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ sptarijiet minn pajjiżi li joffru servizzi fi skemi ta’ sigurta’ soċjali u federazzjonijiet nazzjonali ta’ kunsilli lokali minn dawk il-pajjiżi ewropej fejn servizzi ta’ sptarijiet huma taħt ir-responsabbilita’ tal-kunsilli lokali. Dawn ingħaqdu flimkien u ħolqu ‘forum’ li jirrappreżenta l-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-isptarijiet fl-istess Unjoni Ewropea.
Din l-assoċjazzjoni, li għandha status ta’ NGO, hija partner ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa. Tiġi konsultata b’mod formali, tkun mistiedna titkellem fil-‘fora’ kollha fejn il-Kummissjoni tkun qed tiddiskuti issues li jinvolvu sptarijiet, u anki tieħu sehem fi proċessi konsultattivi ristretti fejn saħansitra ikunu mistiedna biss Ministri tas-Saħħa. Dan huwa l-metodu l-aktar komuni li bih l-Unjoni Ewropea taċċerta ruħha li qed tisma’ u tagħti vuċi liċ-ċittadini u l-istakeholders prinċipali.
Matul l-Assemblea ta’ Malta , HOPE ser tkun qegħda tikber għal 24 membru sħiħ – il-pajjiżi kollha ħlief il-Polonja – hekk kif dipartimenti ta’ l-isptarijiet u assoċjazzjonijiet ta’ sptarijiet mill-pajjiżi ġodda jingħaqdu fi ħdan din l-organizzazzjoni. Malta saret membru sħiħ mill-1 ta’ Mejju 2004 b’riżoluzzjoni approvata fil-Portugall f’Mejju 2003. Malta b’hekk qegħda tkun l-ewwel fost il-membri ġodda ta’ HOPE li tospita l-Assemblea Plenarja.
B’riżultat ta’ dan it-tkabbir, ser jiġu diskussi fil-laqgħa ta’ Malta numru ta’ riformi fit-tmexxija ta’ HOPE sabiex fir-realta’ ġdida ta’ 24 membru sħiħ tkun tista’ tibqa’ effettiva u rappresentattiva. HOPE trid tkompli tkun fuq quddiem nett billi permezz ta’ studji u riċerka jiġu proposti soluzzjonijiet prattiċi u sodisfaċenti li jindirizzaw il-problemi u l-ħtiġijiet fil-qasam ta’ l-isptarijiet.
Fl-Ewropa l-isptarijiet huma kontinwament taħt pressjoni kemm minħabba żviluppi kbar fit-teknoloġija u s-sistemi ta’ kura, kif ukoll minn tibdil impost mid-demografija hekk kif l-anzjani tagħna ser jibdew iħallu impatt ferm ikbar fuq ir-riżorsi meħtieġa u allura fuq is-sostenibilita’ tas-solidarjeta’ li hija waħda mis-sisien fondamentali tar-ruħ soċjali Ewropea.
HOPE ser tkun qegħda tintegra fiha wkoll sistemi tas-saħħa kif offruti fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-pajjiżi baltiċi. Hemm realtajiet li jinvolvu taħriġ u tqassim ta’ riżorsi umani; żvilupp ta’servizzi fuq bażi ta’ ħtieġa, valur miżjud, u kwalita’; kif ukoll sfidi bħal nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati u nuqqas ġenerali ta’ fondi għas-saħħa minħabba prijoritajiet ekonomiċi aktar importanti.
Ser jiġu diskussi wkoll ir-rispons ta’ HOPE għal dokumenti u policies kurrenti li bħalissa qegħdin fuq quddiem tal-aġenda Ewropeja tas-Saħħa. Dawn jinkludu azzjoni konkreta dwar kif jistgħu jitħaddmu d-direttivi dwar il-ħin tax-xogħol sabiex jinħoloq bilanċ bejn id-direttivi u r-riżorsi disponibbli sabiex dawn id-direttivi jiġu fis-seħħ. Hemm ukoll diskussjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li ġie konkluż f’Diċembru 2003 dwar kif tista’ jitħaddem b’mod għaqli l-prinċipju ta’ mobilita’ ta’ pazjenti u servizzi, mingħajr ma jiġi mittiefes il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ fil-qasam tas-saħħa, jiġifieri li kull pajjiż jibqa’ awtonomu f’dak li għandu jkun il-pakkett ta’ servizzi pubbliċi tas-saħħa li joffri liċ-ċittadini tiegħu.
Ser ikun hemm update fuq il-problemi kawżati minn listi ta’ stennija fid-diversi sptarijiet u pajjiżi Ewropej. Ser jiġu diskussi wkoll sistemi mħallta ta’ saħħa, fejn numru sostanzjali ta’ ċittadini jużaw servizzi privati u l-impatt ta’ dan kollu fuq servizzi finanzjati kemm mit-taxxi kif ukoll minn skemi ta’ ħarsien soċjali.
Il-President attwali ta’ HOPE, M. Gerard Vincent, li huwa wkoll id-Direttur Ġenerali tal- Federazzjoni ta’ l-Isptarijiet Pubbliċi Franċiżi, bagħat messaġġ qasir lid-delegazzjonijiet kollha li ser ikunu qed jiltaqgħu f’Malta fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2004. F’dan il-messaġġ, is-sur Vincent saħaq fuq il-ħtieġa li f’Malta jsir proċess intensiv ta’ riflessjoni sabiex id-direzzjoni u d-deċiżjonijiet li jittieħdu isaħħu lil HOPE, bħala assoċjazzjoni ewlenija u relevanti fil-qasam tal-politika ta’ l-isptarijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937