Left arrow Go Back

IL-FORTIZZA SANT’IERMU SER TINGĦATA ĦAJJA ĠDIDA B’AVVENIMENTI KULTURALI

PR912
Date Icon 28/05/2004


Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq beda studji preliminari sabiex aktar ’l quddiem, il-Gvern iniedi numru ta’ proġetti kapitali ġodda. Huwa maħsub li l-Fortizza ta’ Sant’Iermu u ż-żona tal-madwar huma fost il-wirt li l-Gvern ser ikun qed jirrijabilita b’dan il-mod.

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret f’Sant’Iermu dalgħodu, fejn saret it-tnedija tal-Malta World Music Festival, organizzat minn ‘East to West’, u li ser isir fil-pjazza tal-parati tal-Forti bejn it-2 u t-3 ta’ Lulju, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-festival mużikali li ser jittella’ huwa okkażjoni idejali sabiex titqajjem kuxjenza dwar dan il-forti u l-potenzjal tiegħu.

Minkejja li kemm-il darba ttellgħu attivitajiet mużikali jew kulturali f’Sant’ Iermu, din hija l-ewwel darba li l-attivita’ ser tittellgħa fil-parti t-isfel tal-Fortizza.

Bi tħejjija għal dan l-avveniment, fil-pjazza tal-parati tal-Forti ser ikun għaddej xogħol ta’ tindif u manutenzjoni biex dan is-sit jkun jista’ jibda jintuża għal attivitajiet kulturali differenti, partikolarment fix-xhur tas-sajf. Minbarra ‘East to West’, il-Gvern diġa’ ġie avviċinat minn promoturi oħra li huma nteressati li jtellgħu attivitajiet kulturali oħra f’dan is-sit storiku.

Dwar dan il-punt, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-akbar prijorita’ tal-Gvern fir-rigward ta’ Sant’Iermu bħal issa hi, li jitwaqqaf id-degrad u jitrażżnu l-ħsarat li kienu qed isirulu. Il-Gvern bħalissa qed jagħmel ukoll arranġamenti sabiex jinstab post alternattiv għall-karristi u sabiex jitfassal il-proġett biex ikun żviluppat il-Villaġġ tal-Karnival.

"Attivitajiet bħal dawn jagħmlu lill-pubbliku iktar familjari mal-Forti Sant’ Iermu u b’hekk tabilħaqq tkun bdiet ir-rijabilitazzjoni tiegħu. L-għan aħħari huwa li nagħtu Sant’Iermu lura lill-poplu Malti u nagħmlu minnu ċentru ta’ attivita’ f’kull ħin u f’kull żmien tas-sena. Iż-żieda fl-użu tal-post flimkien mat-titjib fl-infrastruttura u fl-ambjent huma element essenzjali ta’ kull proġett ta’ riġenerazzjoni," qal il-Ministru Mugliett.

Il-Ministru qal li l-Gvern diġa’ beda jħares lejn il-brief li kien sar fis-snin disgħin għall-iżvilupp tal-Forti u l-inħawi tal-madwar. Il-Perit Mugliett qal ukoll li l-ħtieġa għall-ħarsien tal-wirt kultural tal-Belt Valletta hija marbuta mal-proġetti ta’ riġenerazzjoni oħra li għaddejjin bħalissa, jew li ser jinbdew f’qasir żmien, bħall-proġett tax-Xatt tal-Belt u l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal.


DOI  28.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow