BIEX IL-POPLU MA JINSIEX
Meta nieda wirja dwar strumenti tat-tortura li ser tittella' fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Birgu, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-wirja dwar l-istrumenti tat-tortura miż-żminijiet tan-Nofs sas-Seklu 19, ma kellha x’taqsam xejn ma’ l-inkwiżizzjoni, iżda kienet wirja ta’ aktar minn 100 strument ta’ tortura li l-bniedem kien juża biex jikkastiga lil min ma kienx jaqbel ma’ l-ideat tiegħu. Hu qal li l-konnessjoni ma’ l-inkwiżizzjoni kienet dik biss li se tittella’ fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur, fil-Birgu.
Francis Zammit Dimech qal li llum, minkejja li t-tortura hi llegali, xorta għadna nisimgħu b’reġimi li jipprattikawha kontra dawk li ma jaqblux magħhom. Hu qal li permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għadna nisimgħu b’każi ta’ tortura li mhux biss jixxukjawna iżda li għandhom ikabbru fina l-istmerrija kontra min jikser id-drittijiet tal-bniedem.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din il-wirja, li qed issir taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u AI, qed tittella’ f’Malta b’inizjattiva ta’ Heritage Malta. Il-wirja li qed iddur id-dinja, s’issa kellha dejjem suċċess mal-pubbliku li f’wirjiet ta’ dan it-tip, jara kif il-bniedem kasbar id-drittijiet umani tul iż-żminijiet.
Francis Zammit Dimech qal li wirjiet bħal dawn għandhom iwasslu wkoll lill-poplu biex ma jinsiex li, minkejja li f’pajjiżna m’hawnx tortura u piena tal-mewt, għad hemm diversi pajjiżi li għadhom jipprattikaw it-tortura biex iżommu lill-popli tagħhom skjavi. Dan għandu jġiegħlna naħdmu bla heda biex inqajjmu kuxjenza nazzjonali kontra t-tortura u l-pajjiżi u r-reġimi li jippermettuha anke jekk mhux fil-beraħ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-wirja se ssir fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur li ftit tal-ġimgħat ilu hu kien inawgura r-restawr tal-faċċata tiegħu. Hu qal li kien jemmen li wirjiet bħal din f’palazzi u bini storiku fil-Kottonera kienu jikkontribwixxu biex Maltin u turisti jżuru l-Kottonera li kienet il-benniena taċ-ċivilta’ ta’ pajjiżna, li wara snin ta’ telqa’ kienet qed terġa’ tingħata l-importanza li jixirqilha.
Hu fakkar li għal dawn l-aħħar ġimgħat fil-Birgu ttellgħet ukoll wirja oħra ta’ importanza kbira f’bini ieħor storiku. Hu qal li kien qed jirreferi għall-Mostra Impossibile ta’ xogħlijiet ta’ Caravaggio li ttellgħet fl-Imħażen ta’ Caraffa fix-Xatt tal-Birgu li għadhom kif ġew restawrati. Hu qal li bħala Ministru għall-Iżvilupp ta’ l-Infrastruttura kien responsabbli mill-koordinazzjoni tal-proġett tal-Kottonera bir-restawr ta’ l-Imħażen ta’ Caraffa bħala parti mill-proġett filwaqt li bħala Ministru għat-Turiżmu kien responsabbli mir-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur.
Francis Zammit Dimech qal li kien se jkompli jinkoraġixxi proġetti li jwasslu biex il-Kottonera tkompli tingħata l-importanza li jixirqilha u biex jinġieb aktar xogħol lejn dawn l-inħawi ħalli l-Kottonera wkoll tieħu sehemha mill-ġid li jġib miegħu l-qasam turistiku.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-Heritage Malta għall-inizjattiva tagħhom filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti jżur din il-wirja li għandha tħeġġiġna nkomplu niġġieldu lil kull min jżeblaħ id-drittijiet tal-bniedem bit-tortura u atti inumani oħra li jagħmlu għajb lil kull min jipprattikahom
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en