Left arrow Go Back

MCAST – KORSIJIET ĠODDA GĦAS-SENA 2004-5

PR1087
Date Icon 30/06/2004

Eluf ta’ żgħażagħ f’dawn il-ġimgħat ser jagħmlu deċiżjoni importanti ħafna dwar il-futur tagħhom. Waqt li qed jistennew ir-riżultati tas-SEC u l-MATSEC u dawk tal-Form 5 ta’ l-iskejjel sekondarji, iż-żgħażagħ qed jiddeċiedu fejn ser ikomplu l-istudju u t-taħriġ tagħhom post-sekondarju u terzjarju.  L-MCAST hu l-ewwel Kulleġġ li nieda l-prospektus għas-sena akkademika 2004-5.  L-MCAST joffri aktar minn mitt kors full-time, part-time u filgħaxija f’livelli differenti minn dak bażiku għal dak ta’ Diploma Ogħla Nazzjonali.  Ħafna minnhom huma rikonoxxuti internazzjonalment.  Ser ikun hemm korsijiet ġodda u programm ġdid ta’ credits dwar attivita` għall-formazzjoni tal-karattru.  Ftit ilu l-Unjoni Ewropeja irrikonoxxiet l-MCAST bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja billi tagħtu l-Erasmus University Charter.  

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni nieda l-prospektus li jagħti tagħrif dwar id-disa’ Istituti f’Malta u ċ-ċentri f’Għawdex.  Taħt kull Istitut wieħed isib lista ta’ kull kors li jiġi offrut u l-kwalifiki li hemm bżonn għad-dħul.  Din is-sena il-prospektus qed juri b’mod aktar ħafif u grafiku kif wieħed jista jidħol fil-livelli differenti u kif jista` jkompli jistudja fl-livelli għola fl-istess Kulleġġ.  

Il-Ministru Louis Galea qal li l-MCAST wessa ħafna l-għażliet ta’ korsijiet vokazzjonali f’livelli differenti biex jgħin lill-Maltin u l-Għawdxin fil-bżonnijiet u fl-aspirazzjonijiet għall-karriera li jixtiequ. Din is-sena l-MCAST qed joffri korsijiet ġodda f’diversi Istituti.  Louis Galea qal li fl-ewwel tlett snin tiegħu l-MCAST kiber b’rittmu mgħaġġel u irnexxielu jistabbilixxi ruħhu bħala kolonna ewlenijja ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja f’pajjiżna. Il-Ministru faħħar il-ħidma ta’ l-MCAST biex il-Kulleġġ ikun aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.  Huwa sostna l-appoġġ tiegħu għaċ-Ċentru ta’ l-Appoġġ għat-Tagħlim għal dawk iż-żgħażagħ li m’għandhomx kwalifiki jew li ma laħqux il-livelli meħtieċa fis-suġġetti bażiċi u faħħar il-ħidma li issir fil-korsijiet ġenerali ta’ fondazzjoni.  

Hu tenna li għad fadal ħafna xi jsir biex l-MCAST jilħaq il-milja tiegħu partikolarment biex flimkien ma’ istituzzjonijiet oħrajn f’dan il-livell inkomplu noffru aktar opportunitajiet biex in-numru ta’ dawk li jkomplu jistudjaw u jitħarrġu jkompli jiżdied.  Louis Galea qal li l-Gvern ser ikompli jiżviluppa l-Kulleġġ u jinvesti fiħ biex l-istudenti ikollhom l-aqwa faċilitajiet u riżorsi għat-taħriġ tagħhom.  

Din is-sena l-MCAST se jkompli jżid il-korsijiet li qed joffri.  Fost oħrajn insibu:  

Fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika

-     MCAST/BTEC First Diploma in Mechanical Engineering 
-     MCAST/BTEC National Diploma/Certificate in Mechanical Engineering
-     BTEC National Diploma in Aerospace Engineering.

Fl-Istitut ta’ Kura fil-Komunita’

-    MCAST/BTEC National Diploma in Care 
-    MCAST/BTEC National Diploma in Sports (Sports Development and Fitness)

Fl-Istitut ta’ l-Inġinerija l-Bini u l-Kostruzzjoni

-    MCAST/BTEC National Diploma in Construction
-    MCAST/BTEC First Diploma in Construction

Fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ

-    BTEC National Certificate in Applied Science (Laboratory & Industrial Science). Dan il-kors hu  maħsub biex iħejji l-istudenti biex jaħdmu fis-settur farmaċewtika, settur li qed jespandi f’pajjiżna.

Fl-Istitut ta’ l-Agrikummerċ

-    Se jinħoloq kors speċjalizzat għall-adulti u dawk li diġa’ għandhom esperjenza ta’ xogħol  

Fuq insistenza tal-Ministru Galea, din is-sena l-MCAST se joffri programm ġdid biex, flimkien ma’ l-edukazzjoni u t-taħriġ formali, jgħin l-istudenti fil-formazzjoni ħolistika tal-karattru tagħhom.  Il-Ministru fisser li d-dinja tax-xogħol tinħtieġ mhux biss ħaddiema kompetenti u kwalifikati, iżda wkoll ħaddiema li għandhom viżjoni sabiħa tal-ħajja.  Il-programm il-ġdid joffri lill-istudenti kollha ta’ l-MCAST attivita’ extra-kurrikulari.  Dawn jinkludu attivitajiet sportivi, xogħol fil-komunita’, esperjenzi kulturali, artistiċi u spiritwali, xogħol mal-volontarjat, u esperjenza fuq postijiet ta’ xogħol differenti.  L-istudenti se jingħataw credits għall-parteċipazzjoni li jitniżżlu f’record-book li l-MCAST jagħti lill-istudenti meta jtemmu l-kors. Dawn il-credits huma ta’ vantaġġ għall-istudent meta jiġi biex isib xogħol peress li juru persuna b’ħiliet ta’ leadership, tim, krejattivita`, motivazzjoni, u spirtu ċiviku.  

L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu kif ġej:

It-Tnejn 26 ta’ Lulju – l-applikanti li għandhom kunjomhom jibda bl-ittri ‘A’ sa ‘C’.
It-Tlieta 27 ta’ Lulju – l-applikanti li għandhom kunjomhom jibda bl-ittri ‘D’ sa ‘M’.
L-Erbgħa 28 ta’ Lulju – l-applikanti li għandhom kunjomhom jibda bl-ittri ‘N’ sa ‘Z’.  

Dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru f’dawn id-dati se jkunu jistgħu jmorru nhar il-Ħamis 29 u l-Ġimgħa 30 ta’ Lulju.  Għalkemm ikun aħjar li wieħed jieħu l-applikazzjoni personalment, jekk jintbgħat xi ħadd ieħor dan għandu jara li l-applikazzjoni hi iffirmata mill-applikant u għandha d-dokumenti kollha li hemm bżonn, inkluż il-karta ta’ l-identita’.  

L-applikazzjonijiet se jkunu qed jintlaqgħu f’postijiet differenti skond l-Istitut.  Il-parti l-kbira se jintlaqgħu fil-Kampus ta’ l-MCAST f’Kordin. Madankollu kull applikant għandu jara fejn qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet biex jevita li jkollu jmur minn post għall-ieħor.   

L-Għawdxin li japplikaw għal korsijiet offruti f’Istituti f’Malta xorta waħda jistgħu japplikaw fiċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex fl-istess dati.   

Din ser tkun ir-raba sena ta’ l-MCAST minn meta nfetaħ f’Settembru, 2001.  Minn dak iż-żmien żdiedu l-Istituti, l-korsijiet u l-livelli li joffri l-kulleġġ. Fis-sena akkademika li għaddiet infetħu tliet Istituti ġodda, l-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika, l-Istitut tal-Kura fil-Kommunita’, u l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ.  L-MCAST għandu staff ta’ aktar minn 370 ruħ u s-sena li għaddiet l-istudenti li attendew korsijiet full-time kien ta’ aktar minn 3700 student li attendew f’65 kors differenti.  Mill-2002 il-kulleġġ beda joffri wkoll korsijiet part-time u ta’ filgħaxija u s-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 1100 student matur li attendew wieħed mill-102 kors li joffri l-MCAST.  

Mis-sena li għaddiet il-kulleġġ beda joffri l-Higher National Diploma f’diversi suġġetti, dan il-livell, wieħed biss il-bogħod minn Grad Universitarju, joffri opportunitajiet ta’ taħriġ f’livelli ogħla għall-istudenti u jfisser li l-Kulleġġ sar istituzzjoni li toffri edukazzjoni ogħla.  

Kull min hu interessat fil-korsijiet li joffri l-MCAST hu imħeġġeġ jaqra l-prospektus u jattendi l-laqgħat  li se jsiru bejn is-6 u l-14 ta’ Lulju u li jkopru l-Istituti kollha ta’ l-MCAST. Fil-prospektus hemm taghrif dwar dawn il-laqgħat u fejn se jsiru.  Fil-jiem li ġejjin il-prospektus se jintbgħat bil-posta lill-istudenti kollha li temmew il-livell sekondarju. Kull min ikun irid kopja għandu jagħmel kuntatt mal-Kulleġġ jew permezz tat-telefon 21806440 jew bl-e-mail information@mcast.edu.mt . Il-Kulleġġ joffri wkoll servizz ta’ Gwida u Pariri (Guidance and Counselling) għal dawk l-istudenti li għadhom m’humiex żguri mill-għażla tagħhom  

Aktar informazzjoni tista tinkiseb minn fuq il-website: www.mcast.edu.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow