TISĦIĦ TAT-TRADIZZJONIJIET KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
Meta kien qed iqassam il-premjijiet lir-rebbieha tat-tigrijiet taz-zwiemel fl-okkazjoni tal-Festa ta’ l-Imnarja, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien jemmen li l-festi jagħmlu lil Malta aktar Maltija u għalhekk kien jinkoraġihom b’kull mod. Hu qal li l-Imnarja kienet waħda minn erba’ festi reliġjużi, li huma wkoll parti mit-tradizzjoni kulturali Maltija u li reġgħu saru festi pubbliċi wara l-1987.
Francis Zammit Dimech qal li l-kultura tagħna kienet tagħżilna minn kull nazzjon ieħor u għalhekk kien importanti li nħarsu dak kollu li jiddistingwina mhux biss mill-popli ta’ madwarna iżda minnpajjiżi ’il bogħod minnha. Hu qal li dan kien aktar importanti llum li nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea, għaqda ta’ 25 nazzjon li tinkoraġixxi d-diversita’ tal-kulturi u anke tgħinhom permezz ta’ programmi u fondi.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura qal li l-kultura kienet ukoll pedina importanti fil-ħidma tal-Gvern biex jippromwovi Malta bħala esperjenza turistika. Hu qal li pajjiżna kien mgħoni b’tempji li jmorru lura 7,000 sena, fdalijiet ta’ diversi era fosthom dik Rumana, Normanna u Għarbija, bi bliet mdawwra bis-swar, b’wirt imprezzabbli ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, b’fortifikazzjonijiet ta’ żmien l-Ingliżi, bi knejjes, palazzi u xogħlijiet ta’ arti. Hu qal li minbarra dan il-wirt storiku Maltakellha d-drawwiet u l-folklor tagħha.
Francis Zammit Dimech qal li l-festa ta’ l-Imnarja minbarra milli kienet festa reliġjuża li tfakkar żewġ prinċpijiet tal-Knisja Kattolika: San Pietru u San Pawl, kienet ukoll parti mit-tradizzjoni kulturali Maltija bil-preżenza massiċċa ta’ poplu fil-ġonna tal-Buskett fil-lejla tal-festa fejn ikun hemm għanau ikel tradizzjonali Malti, bil-wirja tal-frott u l-ħxejjex u bit-tiġrijiet li jsiru fi Triq it-Tiġrija taħt ir-Rabat. Hu qal li dawn it-tiġrijiet saru parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet folkloristiċi ta’ pajjiżna u għalhekk għandna mhux biss nikkonservawhom iżda wkoll naħdmu biex nsaħħuhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bi ftit sforz min-naħa ta’ l-operaturi turistiċi stajna nagħmlu wkoll minn dawn l-attivitajiet ta’ l-Imnarja attrazzjoni oħra turistika fl-isfond kulturali ta’ pajjiżna li diġa waħdu kien qed jattira lejn pajjiżna ’il fuq minn 200,000 turist fis-sena.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li qabel jippreżenta lir-rebbieħa bil-premjijiet ried jirringrazzja li kull min jagħti sehemhu biex ikunu organizzati dawn l-attivitajiet u lil dawk kollha li jipparteċipaw fihom.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en