Left arrow Go Back

DISKORS TAL-PRIM MINISTRU L-ONOR. LAWRENCE GONZI, FIL-FTUĦ TAS-SEBGĦA U ERBGĦIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA – IT-TNEJN 28 TA’ GUNJU 2004

PR1079
Date Icon 28/06/2004

Sur President

Sinjuri  

Huwa ta’ pjaċir għalija li niftaħ dan l-akbar avveniment kummerċjali fil-kalendarju Malti. Għal sena wara oħra – fil-fatt għas-seba’ u erbgħin darba – il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta serviet bħala vetrina ta’ prodotti u servizzi varji offruti minn esibituri lokali u barranin biex jiġu esposti għal l-għażla tal-konsumaturi u tal-viżitaturi li jżuruha.  

Il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta dejjem qajjmet interess kemm mal-konsumatur kif wkoll man-negozjanti ta’ pajjiżna. Hija wkoll kejl tal-polz tal-konsumatur u l-kunfidenza li l-konsumatur għandu fis-suq lokali. Ninnota li matul dawn l-aħħar snin, il-Fiera qed tiġġenera wkoll interess favur l-investiment privat f’forma ta’ poloz ta’ assikurazzjoni u skemi ta’ self bankarji.  

Naturalment is-sucċess jiddependi mhux biss fuq l-aspettattivi tal-bejjiegħa u n-negozjanti imma fuq il-konsum attwali fil-forma ta’ nfiq. L-infiq mill-konsumatur jagħti indikazzjoni ċara ta’ kemm r-rota ta’ l-ekonomija tagħna qiegħda ddur.  

B’sodisfazzjon nghid li l-aħħar indikaturi ekonomiċi li ghandna juru certu ottimiżmu fl-andament ta’ l-ekonomija. Id-dhul tal-Gvern s’issa huwa fil-linja li konna ippjanajna, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol baqa nieżel b’mod konsistenti u l-infiq fil-konsum żamm il-livelli mistennija. Jidher li bil-mod il-mod qed naqbdu r-rotta li tfisser li, jekk noqgħodu attenti u nkomplu noħolqu ambjent ekonomiku favorevoli, nistgħu ma ndumux ma’ nesperjenzaw aktar titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulħadd.  

Hemm hafna raġunijiet ghaliex qed nirreġistraw dan il-progress. Il-Gvern ma qagħdx lura milli jieħu dawk id-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn biex nindirizzaw u nikkontrollaw in-nefqa pubblika.  Naturalment hemm ħafna iżjed x’isir imma dak li sar s’issa jidher li qiegħed iħalli riżultati pożittivi.  

Żgur ukoll li l-inċertezza li għexna matul is-sena li għaddiet sakemm tlesta l-proċess demokratiku, illum spiċċat għal kollox.  

L-istess wieħed jista jgħid dwar ċertu beżgħat li setgħu eżistew minħabba l-impatt tas-sħubija b’effett mill-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Jidher ċar li mhux biss qiegħdin naddattaw rwieħna sew għal din ir-realta l-ġdida, imma nista ngħid li diġa bdejna inħossu d-differenza pożittiva li ġabet magħha s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. Fissret ftuħ ġdid għan-negozji tagħna, fissret għażliet akbar u orħos għall-konsumaturi, fissret aċċess mingħajr xkiel għax-xogħol u għas-swieq ta’ pajjiżi oħra membri.  

Irrid ngħid ukoll li f’dawn l-ewwel ftit ġimgħat, il-konsumatur Malti esperimenta b’ghażliet ta’ prodotti ġodda li sabu ruħhom fis-suq tagħna, imma fil-bicca l-kbira, irrealizza li l-prodott Malti hu prodott li jikkompeti tajjeb kemm fil-kwalita’ kif ukoll fil-prezz. Dan hu ta’ sodisfazzjon u inħeġġeġ lill-produtturi lokali biex ikomplu jinvestu fit-titjib tal-prodott tagħhom għaliex hekk ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu b’suċċess.  

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea gabet magħha wkoll bidla fil-mod ta’ kif investituri jħarsu lejn pajjiżna. Il-fatt li llum Malta tifforma parti ntegrali minn blokk ekonomiku b’saħħtu tkabbar il-kredibilita’ ta pajjizna filwaqt li toffri bażi soda għal kull min irid jinvesti f’termini ta’ kwalita’ ta’ produzzjoni, standards u liġijiet. Dan jidher li qed iħalli effett pożittiv anki jekk wieħed biss biss jara l-ammont sostanzjali ta’ kuntatti li qed isiru minn investituri barranin mal-Malta Enterprise .  

Ma’ rridux ninsew wkoll lill-investitur Malti. Matul dawn l-aħħar ġimgħat kelli l-opportunita’ li niltaqa’ ma numru ta’ negozjanti u għaqdiet ta’ min iħaddem li kollha esprimew l-interess tagħhom favur investiment kontinwu f’Malta. Kulħadd seta jsegwi fil-media numru ta’ proġetti ta’ tkabbir u nvestiment minn kumpaniji Maltin, investimenti li jlaħħqu Miljuni ta’ liri u joholqu postijiet tax-xogħol ġodda.  

Ippermettuli nigbed l-attenzjoni madankollu, li l-aqwa u l-akbar investiment li jista’ jsir, huwa dak fir-riżorsi umani.  Il-fatt li l-ekonomija tagħna qiegħda dejjem aktar tibbaża ruħha fuq l-industrija tas-servizzi, kif jidher biċ-ċar mit-tkabbir li kellu jsir f’din il-fiera f’dan il-qasam, tfisser li hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema mħarrġa fuq livell professjonali sabiex joffru servizzi ta’ l-ogħla kwalita’ u għas-sodisfazzjon tal-klijient, kemm jekk dan huwa konsumatur kif ukoll jekk huwa investitur lokali jew barrani.  

Sinjuri,  

Is-sebgħa u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta għandha sinifikat importanti f’dan is-sens. Hija Fiera li ser tkun il-vetrina tal-kompetittivita’ fis-suq.  

Il-kompetittivita’ mhix sempliċiment prezzijiet irħas, imma hija strateġija li twassalna sabiex nipproduċu aktar b’anqas, filwaqt li nkomplu ngħollu l-kwalita’ tal-prodotti u s-servizzi tagħna. Il-konsumatur Malti jaf jiżen sew l-għażliet tiegħu u ninsab ċert li bħalma sar fis-snin l-imgħoddija, din is-sena ser tkun karatterizzata minn attivita’ kummerċjali sinifikanti li fl-aħħar mill-aħħar tiġġenera l-ġid lil kulħadd.  

Nixtieq nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-Kunsill u l-President, s-Sur Ian Mizzi, li kull sena jassiguraw li jitjiebu s-servizzi u jkabbru l-ammont ta’ esebituri sabiex l-esperjenza tal-konsumatur tkun waħda pjaċevoli, filwaqt li l-esebituri jkollhom faċilitajiet aħjar għan-negozju tagħhom. Nifhem li l-Korporazzjoni ser ikollha tintensifika l-impenn tagħha matul is-snin li ġejjin, madakollu ninsab ċert li ser tegħleb kull diffikulta’ b’suċċess bħalma għamlet fis-snin l-imgħoddija.

Għaldaqstant, niddikjara s-sebgħa u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta miftuħa.

Lawrence Gonzi
Prim Ministru  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow