DISKORS MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI WAQT KONFERENZA BIT-TEMA: “L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ POLITIKA IMPRENDITORJALI… FEJN WASALNA” – SAN ĠILJAN – 25 TA’ ĠUNJU 2004
Dan huwa t-titlu ta’ din il-konferenza, li ġiet organizzata biex jiġi analizzat dak li sar u dak li ma sarx f’din l-implimentazzjoni. B’dan il-mod inkunu nistgħu nevalwaw dak li għad irid isir, u kif jista’ jsir.
Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza, it-tieni waħda mix-xorta tagħha, ippermettuli naqsam xi ħsibijiet magħkom.
1. Din hija konferenza li intom kollha li ġejtu mistiedna, mitluba li tipparteċipaw fiha u mhux biss tattendu. L-objettiv ta’ din il-laqgħa huwa li ssir analiżi ta’ rapport li juri x’sar, kemm sar u fejn ma sar xejn fil-Pjan ta’ Ħidma għas-sena 2003 – 2004. B’mod tekniku f’din il-konferenza rridu nanalizzaw u nikkritikaw is-sena ta’ ħidma minn Mejju 2003 sa Mejju 2004 li kellha bħala direzzjoni l-Pjan ta’ Ħidma li kien ippubblikat, bil-ħsieb li jindika eżattament 54 objettiv li permezz tagħhom il-Gvern kellu jġib fis-seħħ l-implimentazzjoni taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar. Illum qegħdin fit-tieni konferenza ta’ din ix-xorta, bil-ħsieb li lkoll flimkien nanalizzaw dan ir-rapport li permezz tiegħu nistgħu inkejjlu l-produttivita’ tagħna lkoll fl-implimentazzjoni ta’ Politika Imprenditorjali.
Għalhekk, wara dan d-diskors tiegħi intom mitluba tinġabru immedjatament f’working groupssabiex taħt id-direzzjoni ta’ uffiċjali mill-Malta Enterprise, mill-Commerce Division, mill-General Retailers and Traders Union, mill-Malta Chamber of Commerce and Enterprise umill-Malta Hotels and Restaurants Association, tanalizzaw il-ħidma li twettqet.
2. Dan l-atteġġjament li l-Gvern qed jieħu permezz tas-Segretarjat tiegħi huwa indikazzjoni ċara li dak li kien propost għal-Liġi tas-Servizz Pubbliku fid-dokument miġbur wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mmexxi mis-Segretarjat tiegħi flimkien mal-Malta Chamber of Commerce and Enterprise, mal-Malta Federation of Industries, mal-General Retailers and Traders Union u mal-Malta Institute of Management, jista’ fil-fatt isir. Jiġifieri li jkollna Awtoritajiet u Dipartimenti li fil-bidu tas-sena jippubblikaw l-objettivi tagħhom u mbagħad wara sena ħidma tkun irrapportata l-effettivita’ ta’ dawk l-objettivi. Illum, proprju qed isir dak li kien propost lill-Gvern dakinhar, u hawn illum qegħdin nagħtu prova li dan jista’ jseħħ, u huwa l-mod kif nistgħu nersqu lejn servizz pubbliku li jkun kapaċi jmexxi l-aġenda tiegħu ukoll b’mentalita’ imprenditorjali.
3 Meta qegħdin nitkellmu fuq l-Implimentazzjoni ta’ Politika Imprenditorjali, qiegħdin nirreferu għal bidla ta’ mentalita’ li trid tkun kapaċi kontinwament tfittex li tibdel kull proċedura eżistenti f’waħda iżjed flessibbli, aktar effiċjenti, anqas burokratika u aktar effettiva. Din hija proprju r-raġuni għaliex huwa meħtieġ li flimkien ngħarfu l-ħtieġa ta’ l-implimentazzjoni taċ-Charter Ewropew.
Jiena nemmen li l-implimentazzjoni tal-prinċipji taċ-Charter, li llum ser inkunu qegħdin niddiskutu kif jista’ jkollna aktar sinerġiji fl-implimentazzjoni tiegħu, hija l-aħjar Pjan ta’ kif nistgħu naslu li nkattru l-kummerċ f’pajjiżna.
F’dan il-kuntest irrid nistqarr li ma nistax nifhem kif f’pajjiżna għandna diversi inizjattivi tajbin għaddejjin, kollha bil-mertu tagħhom, iżda fl-istess waqt ftit li xejn donnu jidher li hemm sinerġija bejn l-inizjattivi fil-ħidma tal-Gvern lejn is-settur kummerċjali. Dan l-aħħar għext l-esperjenza fejn rajt kemm id-Dipartimenti u l-Awtoritajiet kollha jaħsbu u jiddeċiedu ndividwalment u ftit li xejn hemm koperazzjoni. Ma tkunx sorpriża għalija jekk dan il-fatt joħroġ ċar ukoll mill-ħidma li qed niddiskutu llum f’din il-laqgħa, fejn donnu l-Gvern mhux qed jaħdem bħala entita’ waħda, iżda bħala federazzjoni ta’ entitajiet. Hawn nemmen li rridu ngħaddu minn eżerċizzju ta’ ristrutturar fil-ħidma Governattiva u kemm-il darba rridu aktar kompetittivita’ għal pajjiżna u anqas burokrazija, irridu naraw li nġibu aktar lin-nies flimkien. Dan qed ngħidu mill-esperjenza, partikolarment fejn f’dawn l-aħħar tlett xhur ħdimt biex inġib flimkien Dipartimenti biex jitkellmu bejniethom dwar proċeduri ta’ importazzjoni wara l-1 ta’ Mejju.
Jiena nista’ nixhed li b’dan il-proċess veru sempliċi u li ma sewiex flus lill-Gvern, iżda biss impenn ta’ ħidma, issarraf biex wara l-ewwel ta’ Mejju fil-proċess tar-rilaxx tal-merkanzija kien hemm tranżizzjoni li ħadmet b’suċċess ħlief għal xi ntoppi żgħar. Li kieku ma kienx hemm l-aħħar fażi tal-laqgħat bejn id-Dipartimenti u l-imprendituri, dak kollu li kull Dipartiment tant ħadem għalih, kien kważi jisfaxxa fix-xejn.
4. Jiena nemmen li pajjiżna jista’ jirbaħ u jżid fl-abbilita’ kompetittiva tiegħu kemm-ildarba l-Gvern jaħseb, jippjana u jaġixxi b’mod iffukat ta’ kif ser jagħti prijorita’ lill-individwu li qiegħed fin-negozju. Għalhekk huwa meħtieġ li jekk verament irridu nżidu l-kummerċ f’pajjiżna, irridu naraw żvilupp ta’ kif qiegħda ssir il-konsultazzjoni bejn il-Gvern u min qiegħed fin-negozju, filwaqt li nsegwu l-prinċipji taċ-Charter.
Għal dan il-għan irridu naraw kif
a. Ikun hemm edukazzjoni u taħriġ fl-Imprenditorija.
b. Jitkomplew l-eżerċizzji biex fil-pajjiż jibqa’ jkollna mezz irħis u ħafif biex
min irid jarma negozju jkun jista’ jagħmel dan bl-anqas spejjeż possibbli.
c. Liġijiet u regolamenti aħjar biex naslu biex ikollna anqas burokrazija u
servizz pubbliku aktar effiċjenti.
d. Ikollna aktar nies tas-sengħa.
e. Intejjbu l-aċċess permezz ta’ l-internet.
f. Naraw kif nieħdu aktar minn suq wieħed li issa aħna membri fih.
g. Nieħdu inizjattivi rigward it-taxxa u dawk finanzjarji. Hawn tajjeb li ngħid
li f’pajjiżna irridu naraw kif nagħmlu bidliet kbar għaliex illum inħoss li
wasalna f’punt li biex inkattru l-kummerċ f’pajjiżna, irridu naraw kif
innaqqsu mir-rata ta’ 35% taxxa li għandna, speċjalment meta l-pajjżi
membri ġodda fl-Unjoni Ewropea qegħdin jikkompetu bejniethom biex
ikollhom aktar kummerċ li jistimula tnaqqis fil-corporate tax u rati oħra ta’
taxxi.
5. Dan huwa Programm ta’ Ħidma imfassal fuq iċ-Charter, li jista’ jbiddel pajjiż. Persważ li kapaċi jgħin biex ma’ inizjattivi oħra, il-Gvern jasal li joħloq impjiegi ġodda, iżda biex dan kollu jseħħ, għandna bżonn li kollettivament ikollna l-energija kontinwa biex inkomplu nagħmlu l-bidliet, nifhmu li l-prijoritajiet qed jitbiddlu u, iżjed minn hekk, nifhmu li kollha kemm aħna irridu naħdmu flimkien għal għan wieħed; biex jekk verament irridu nikbru fl-Unjoni Ewropea allura rridu niffaċilitaw li n-negozju jsir.
6. Il-kummenti miġbura mir-rapporteurs ser ikun miġbura f’dokument wieħed li għandu jiġi diskuss fil-Parlament. Dan hu eżerċizzju li ser ikun qed isir għat-tieni darba u qed isir isir ukoll biex f’pajjiżna l-implimentazzjoni tal-politika imprenditorjali ssir aktar magħrufa u apprezzata u fuq kollox segwita. B’hekk tassew f’pajjiżna l-Gvern ikun qed jagħti servizz u joffri support li tassew ikabbar u jistimula l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna u li fuq kollox tkattar l-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna.
Ħbieb, nawgura li issa taqsmu bejnietkom il-kritika tagħkom u taslu biex tassew tgħaddulna punti ta’ ħidma li jkunu utli għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en